Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li għaliex il-poplu qed jibqa’ juri li ma jridx jafda lill-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni qed timmina lill-Partit Laburista billi tilgħab b’mod maħmuġ bl-istituzzjonijiet.
L-istqarrija qalet li dak li ma tistax iġġib bil-proċess demokratiku l-Oppożizzjoni, mingħaliha trid iġġibu b’allegazzjonijiet foloz jew billi tipprova timmina lill-Partit Laburista b’investigazzjonijiet mibnija fuq allegazzjonijiet fiergħa.
Il-Partit Laburista qal li se jieqaf b’saħħa quddiem din l-istrateġija moqżieża, maħsuba biex tbeżża’ wkoll lin-nies milli jgħinu lill-Partit Laburista.
Il-Partit fakkar li huwa daħħal u josserva l-liġi tal-finanzjament tal-partit, u diġà ddikjara li mhu qed idaħħal l-ebda flus mingħand Yorgen Fenech, wisq inqas mitejn elf ewro kif allegat.
L-istqarrija tal-Partit Laburista temmet tgħid li Bernard Grech se jkollu jifhem kif hu u l-Partit tiegħu se jkollhom xi jwieġbu fiż-żmien li ġej.