B’kuntrarju ta’ dak li ntqal mill-Partit Nazzjonalista wara li dalgħodu tnediet l-inizjattiva Żomm Tarmix, din l-inizjattiva ilha pjanata mill-Partit Laburista mill-2022.
Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista fejn saħaq li fil-fatt l-inizjattiva kienet wegħda elettorali 568 tal-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’ tal-Partit Laburista, illum programm elettorali tal-Gvern.
“Il-Partit Nazzjonalista ma jitlifx ċans wieħed biex ikun diviż u partiġġan, anke fuq inizjattiva daqstant pożittiva li se tgħin ħafna familji u għaqdiet volontarji filwaqt li tippremja lil dawk in-negozji li jieħdu sehem fiha. Dan jagħmlu akkost li jgħawweġ il-fatti jew ixerred informazzjoni falza” tenna l-Partit Laburista.
L-istqarrija żiedet tgħid li l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura tal-programm elettorali se ssarraf f’anqas ħela u aktar prodotti tal-ikel aċċessibbli għall-pubbliku bi prezz ridott. Hija deċiżjoni oħra minn sensiela ta’ deċiżjonijiet li ħa l-Partit Laburista fl-aħħar tnax-il sena sabiex isaħħaħ il-ġustizzja soċjali f’pajjiżna.
Il-PL temm jgħid li dan il-Gvern huwa kommess li jkompli jimplimenta miżura wara oħra mill-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Ċertament li ma għandux bżonn idur fuq il-faqar ta’ politika u ideat tal-Partit Nazzjonalista sabiex jieħu d-deċiżjonijiet favur il-familji Maltin u Għawdxin.