Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni tgħid mod u l-fatti jgħidu mod ieħor. Agħar minn hekk, il-kelliem tal-Oppożizzjoni, Ivan Castillo sar jirriċikla informazzjoni skorretta u jivvinta gideb ġdid biex jipprova jħossu relevanti.
Intqal kif fl-aħħar snin, Gvern Laburista tant investa fis-settur marittimu li wassal biex pajjiżna sar wieħed mill-aktar destinazzjonijiet attraenti għall-kummerċ u għall-bastimenti li jieqfu fil-portijiet tagħna. Investiment bla preċedent fis-shore-to-ship power biex il-bastimenti jużaw elettriku ġġenerat minn sorsi aktar nodfa. Apparti minn hekk, l-istatus tal-bandiera Maltija ssaħħet bla preċedent tant li s-sena l-oħra ksirna r-rekords kollha ta’ tunnellaġġ fir-reġistru marittimu.
Il-Partit Laburista saħaq kif pajjiżna tela’ fis-sitt post fid-dinja u erġajna kkonfermajna ruħna bħala l-akbar u l-aqwa bandiera marittima fl-Ewropa kif ukoll l-akbar bandiera fis-super yachts fid-dinja. Minkejja d-daqs ġeografiku tagħna, qed niksru rekord wara ieħor li qed ipoġġina bħala leaders mal-kumplament tad-dinja.
X’differenza mill-ispin li qed tipprova tpinġi l-Oppożizzjoni. Każ ċar ta’ min ma jilħaqx l-għeneb, jgħid li hu qares. Agħar minn hekk, hija ħasra li f’suġġett li dejjem kien hemm ftehim biex naħdmu flimkien, Ivan Castillo u l-Partit Nazzjonalista ddeċidew li jattakkawh għal skopijiet iddisprati u partiġjani tagħhom. Il-frott tas-suċċess f’dan is-settur jidher bil-fatti, rifless fl-investiment li qed isir fih u jixhduh l-investituri li kontinwament qed jagħżlu lil pajjiżna.
Il-Partit Laburista