Il-Partit Laburista qal li l-Gvern ma kellu ebda problema li r-rapport tal-GRECO jkun ippubblikat.
Dan għax il-gvern jaġixxi bi trasparenza tant li llejla stess wera d-disponibbiltà li jiddiskuti dan ir-rapport fil-Parlament.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li dan l-aġir trasparenti hu differenti ħafna minn tal-Kap tal-Oppożizzjoni li ma riedx jippubblika dokumenti li tkellem dwarhom fl-aħħar jiem.
Fuq kollox qal li huwa l-Gvern preżenti li qed iwettaq ir-riformi li hemm bżonn biex isaħħaħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Sostna li fl-aħħar snin diġà twettaq ħafna u fix-xhur li ġejjin se jitwettaq iktar kif wera l-Gvern meta f’inqas minn mitt jum wara r-rakomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja diġà ressaq ‘il quddiem proposti biex ikunu implimentati dawn il-bidliet.