Id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja hija rebħa ċara għas-sistema ġudizzjarja, is-saltna tad-dritt u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Dan intqal mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-Kandidat Laburista Andy Ellul, waqt konferenza tal-aħbarijiet miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, l-għada tad-deċiżjoni.
Il-Ministru Zammit Lewis qal kif din hija rebħa għaċ-ċittidini Maltin għax jafu li fil-Qorti quddiemhom hemm ġudikanti li huma indipendenti.
Dan hekk kif f’deċiżjoni tagħha l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qalet li l-ħatriet tal-ġudikanti hija konformi mal-liġijiet Ewropej.
Il-Ministru Zammit Lewis qal kif kien Gvern Laburista li għamel l-ewwel tibdiliet f’dan il-qasam fl-2016, hekk kif taħt Gvern Nazzjonalista l-poter kien kollu f’idejn il-Prim Ministru li jagħżel lil min irid hu biex iservi fuq il-bank tal-ġudikatura.
Huwa qal, “Imxejna għal riforma taħt l-amministrazzjoni Robert Abela. Riforma iktar b’saħħitha mill-2016 fejn issa jekk Alla jrid rajna f’dawn l-aħħar jiem ukoll għażla ta’ erba’ mħallfin bi proċess imbekkabli, fejn il-politiku, fejn il-Gvern, fejn l-Eżekuttiv, fejn il-Prim Ministru ma jiffigura f’xejn. M’għandu l-ebda influwenza fuq il-proċess.”
Il-Kandidat Laburista Andy Ellul qal kif l-Avukati li kien hemm f’din il-kawża kontra l-ġudikatura f’Malta kienu l-esponenti Nazzjonalisti Simon Busuttil, Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.
Qal kif l-għan ta’ din il-kawża kienet li twassal sabiex tikkollassa s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna.
Dr Ellul innota d-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni: “Għandna sitwazzjoni fejn għandek Oppożizzjoni li għandna idejha marbuta u limitata fix-xogħol tagħha. Dan jitfa’ piż kbir u responsabilta kbira fuq il-Partit Laburista, sabiex inkomplu niggvernaw u nkomplu nagħmlu nagħmlu riformi neċessarji f’pajjiżna u mhux se niddejqu nkomplu nagħmlu dawn ir-riformi.”
Il-Kandidat Laburista nnota kif il-Kap Nazzjonalista, sa ġurnata wara din id-deċiżjoni għadu sieket, hekk kif ma jistax jiftaħ ħalqu kontra dawk li tellgħuh fil-poter.