Il-Partit Laburista nnota l-mod xejn trasparenti kif Sindki differenti tal-familja Said mexxew il-Kunsill Lokali tan-Nadur. Dan fid-dawl tal-aħħar fatti żvelati li fost oħrajn juru kif fi ftit iktar minn tliet snin Peter Paul Said ħa 139 biċċa xogħol mingħand ħutu li kienu Sindki.
Matul konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Chris Cardona, s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo u l-Kunsilliera tan-Nadur Josianne Cutajar, Cutajar innotat ukoll il-qagħda mwiegħra fil-finanzi tal-Kunsill Lokali tan-Nadur u żiedet kif flimkien ma’ kunsilliera oħrajn mhux darba u tnejn inġibdet tal-attenzjoni tal-eks sindku Charles Said, dan anke fuq xogħlijiet li saru fil-lokalità. Bir-risposta tal-eks Sindku dejjem kienet li kien qed jivverifika x-xogħol li kien qed jagħmel hu stess flimkien ma’ handy man biss. Fi kliem Cutajar dan juri nuqqas ta’ trasparenza.
L-aġir tal-aħwa Said fit-tmexxija tal-Kunsill tan-Nadur, jista’ jitqabbel ukoll man-nuqqas ta’ governanza tajba li kellu Chris Said, meta fil-Kabinett kien responsabbli mill-Kunsilli Lokali. Cardona u Buontempo spjegaw li Said kellu joqgħod għad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Evalwazzjoni u mhux jindaħal fi proċess li kien wieħed diskriminatorju. Intqal li politiku serju għandu joffri l-istess opportunitajiet lil kulħadd u m’għandux jindaħal f’affarijiet amminisitrattivi.
Intqal li għal darba Simon Busttili għandu jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jieħu azzjoni kontra Said.