Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għandu test ieħor quddiemu, wara dak li ġie żvelat li Jason Azzopardi, li huwa politiku ċentrali fil-Partit Nazzjonalista ma ma ddikjarax id-dħul għal fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Dan intqal mill-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, l-għada li ONE News żvela kif Jason Azzopardi huwa membru ieħor tal-grupp parlamentari Nazzjonalista li għandu l-vizzju li ma jiddikjarax xi flus jaqla’.
Il-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield qal kif Azzopardi, li diversi drabi jgħid lin-nies sabiex jirriżenjaw u jattakka lin-nies, hekk kif kull darba li joħorġu fatti dwaru jew xi ħadd jistaqsi dwaru jibda jattakka n-nies biex mingħalih ibeżża’ ħalli tinħeba l-verità dwaru.
Qal kif, “Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex partit kredibbli għaliex ma tistax tkun kredibli meta fil-qalba tiegħek għandek nies bil-kondotta bħal ma hi ta’ Jason Azzopardi, illi huwa mażra ma’ għonq Bernard Grech. Kien mażra ma’ għonq Simon Busuttil, mażra ma’ għonq Adrian Delia u mażra ma’ għonq Bernard Grech u issa n-nies jistaqsu x’ser jagħmel Bernard Grech b’Jason Azzopardi?”
Glenn Bedingfield fakkar kif meta Jason Azzopardi kien politikament responsabbli mill-artijiet, kien hemm l-iskandli tal-Lowenbrau u l-iskandlu tal-Fekruna, fost oħrajn.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministru Clayton Bartolo, li qal kif il-Partit Nazzjonalista ma jistax jittieħed bis-serjetà. fuq governanza tajba u trasparenza.
Il-Ministru Bartolo qal kif huwa tassew ironiku li l-aħħar żewġ Kapijiet Nazzjonalisti u issa anke Jason Azzopardi m’għamlux dak li kull ċittadin mistennni jagħmel.
Qal kif Bernard Grech għandu test ieħor, wara li falla fit-testijiet ma’ Stephen Spiteri, Adrian Delia, Herman Schiavone u Kristy Debono.
Spjega, “Inutli jparla ħafna Bernard Grech u imbagħad ma jieħux azzjoni. Inutli jibqa’ jipprova juri li hu kapaċi jmexxi meta fil-verità mhumiex kredibbli, il-veru każ ta’ oqbra mbajda.”
Il-Ministru Clayton Bartolo semma kif bil-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, Gvern Laburista taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela għamel diversi riformi fil-qasam tal-governanza t-tajba u favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.