Il-Partit Laburista reaġixxa għall-konferenza tal-aħbarijiet fejn il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, għandu jitneħħa. Qal li hija tassew tad-daħq, li kieku mhux tal-biki, li minn tant nies minn ħdan l-Oppożizzjoni ħareġ il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li bla mistħija ta’ xejn mar jagħmel konferenza tal-aħbarijiet fl-istess ħin li fuq rasu għandu investigazzjoni għaddejjha minn tliet imħallfin fuq allegat każ ta’ ħasil ta’ flus u traffikar tad-droga. “Minflok Fenech Adami warrab, illum with a straight face mar jitkellem fuq ħaddieħor. Flok ħabbar li se jagħmel tax audit, wara li ilu jirrifjuta li jagħmel għal numru ta’ ġimgħat biex ineħħi d-dubbji, baqa’ jfajjar fuq dak u l-ieħor,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista żied Fenech Adami huwa l-establishment ippersonifikat, li mingħalih jinsab ‘l fuq mill-liġi li ħadd ma jista’ għalih u li dak kollu jagħmel hu jista’ jwaddbu taħt it-tapit.
“Il-Viċi Kap Nazzjonalista flimkien mal-Kap tiegħu għandu jkollhom nitfa diċenza li ma jippruvawx jidħqu bin-nies fuq każ li ngħataw l-ispegazzjonijiet dwaru filwaqt li għad hemm mistoqsijiet kbar ħafna dwarhom li għadhom mhux imwieġba,” temm il-Partit Laburista.