Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux limitu f’dak li huwa opportuniżmu politiku. “Jumejn wara li l-kelliem tal-PN dwar il-housing kien fuq TVM, fejn anke rrikonoxxa x-xogħol li qed isir mill-persuni responsabbli politikament minn dan is-settur, issa ħareġ stqarrija biex jattakka lill-istess persuni li ħadu l-passi meħtieġa quddiem allegazzjoni li waslet għandu. Din hi s-serjetà fit-tmexxija,” qal il-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista nnota li din hi serjetà li l-Oppożizzjoni ta’ Adrian Delia lanqas għandha idea tagħha.
“Anzi Adrian Delia jippremja lil min ikollu akkużi serji fil-konfront tiegħu u jitfgħu jitkellem dwar is-suġġett kif għamel bit-tabib fil-grupp parlamentari tiegħu li hu akkużat li ħareġ ċertifikati foloz. Dan biex ma nsemmux nies oħra bħal Jason Azzopardi li fl-aħħar ġimgħat ismu reġa’ ddomina f’każ ta’ trasferiment ta’ art mill-iktar jinten u Delia għażel li jżommu miegħu anke jekk wiegħed mod ġdid,” qal il-Partit Laburista.