Il-Partit Laburista għamel sottomissjonijiet mal-Kummissjoni Elettorali dwar il-fatt li saru bidliet mingħajr konsultazzjoni meta nhar is-Sibt kienet qed issir prova tal-għadd tal-voti b’mod elettroniku.
Konxju li dawn it-testijiet qed isiru biex il-bidla proposta tkun pruvata u din is-sistema titjieb il-Partit Laburista ta ċans lill-Kummissjoni Elettorali biex tieħu hi l-passi meħtieġa biex tassigura li ma jerġax ikun hemm bidliet mingħajr il-konsultazzjoni meħtieġa.
Fl-istess ħin, il-Parti Laburista qal li ma jistax ma jinnotax il-fatt li fl-aħħar sigħat kien għaddej sforz mill-Partit Nazzjonalista biex jissesanzjonalizza dak li seħħ nhar is-Sibt.
Dan f’xhieda oħra ta’ partit li qed jibqa’ ma jinbidilx fejn minflok jikkontribwixxi b’ideat u proposti biex itejjeb il-bidla jispiċċa dejjem jirreżistiha. Din hi l-istess attitudni ta’ qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali meta Simon Busuttil beda jbeżża’ lil kulħadd li se jitħassarlu l-vot.
Il-Partit Laburista fakkar ukoll li m’hemmx dubju li dan l-ispin tal-Partit Nazzjonalista hu maħsub biex ineħħi l-attenzjoni minn fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li issa spiċċa vittma ta’ kliemu stess. Dan hekk kif wara li ilu jgħid li kull min hu investigat għandu jirriżenja minnufih issa sar magħruf li hemm hu fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni.
Adrian Delia qed ikompli jgħaffeġ bl-istess attitudni ta’ dawk ta’ qablu minflok jinduna li kull darba qed idaħluh f’ħajt u jibda l-mod ġdid li wiegħed, temm jgħid il-Partit Laburista fi stqarrija.