“Partit Laburista has been with us, I am 48 years, Partit Laburista, has been working and fighting our fight even before I was born.”
Dan kien il-kliem ta’ Angie Caruana, f’isem Rainbow Families Network, li hija wkoll omm li tappartjeni mal-komunità LGBTIQ+.
Hija qalet dan f’attività bit-tema, Unapologetic love – Empowered by pride, Embrace your Pride organizzata mill-Partit Laburista, Equality Labour, iż-Żgħażagħ Laburisti, il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej, Rainbow Rose, u l-Grupp tas-Socjalisti fil-Parlament Ewropew, bħala parti mill-EuroPride 2023, proprju fil-EuroPride Village.
F’intervent li għamlet, il-Kumissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, qalet li minkejja dak kollu li nkiseb fl-aħħar snin, xorta waħda għad hemm lok għal progress, li jmur lil hinn mil-leġiżlazzjoni.
Żiedet tgħid li l-punt tat-tluq għall-progress, huwa li kulħadd ikun liberu li jħobb lil min irid.
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew, Mark Angel, iddeskriva lil Malta bħala eżempju, hekk kif il-Partit Laburista kellu l-kuraġġ li joħloq il-bidla.
“Look at this little island, where there is politicians who had the political courage and they changed. We need politicians like that in all countries, because only with this political courage that we can change things, and Malta is a wonderful example for that.”
Diversi kelliema barranin, minn organizzazzjonijiet internazzjonali faħħru wkoll l-ugwaljanza f’pajjiżna, anke għall-fatt li pajjiżna jinsab fil-quċċata tal-klassifika ILGA Europe.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-għaqda Forbidden Colours, Remy Bony, aċċenna wkoll għal diversi sfidi internazzjonali, li qegħdin jolqtu wkoll il-komunità LGBTIQ+, filwaqt li ddeskriva lil pajjiżna bħala eżempju prim ta’ ugwaljanza.
Kasper Enevoldsen, il-Viċi President taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej, iddeskriva lil pajjiżna bħala progressiv filwaqt li xeħet dawl ukoll fuq realtà kiefra: il-bullying ġewwa l-iskejjel fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ+.
Ruth Baldacchino, attivista u lettura, indirizzat l-importanza tar-reżistenza, anke fid-dawl tad-diskriminazzjoni.
Dan filwaqt li l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Cyrus Engerer, semma l-importanza tas-soċjaliżmu, fid-dawl ta’ ideoloġiji estremi.
Tkellimna wkoll ma’ Georvin Bugeja, il-President taż-Żgħażagħ Laburisti, waħda mill-għaqdiet li organizzaw din l-attività.
“Permezz ta’ din id-diskussjoni qed inħarsu lejn aktar riformi, lejn aktar informazzjoni, lejn aktar edukazzjoni biex inwasslu aktar messaġġ ta’ ugwaljanza, messaġġ ukoll ta’ mħabba.”