Il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista għandu problema kbira ta’ kredibbiltà.
Dan iddikjarah b’reazzjoni għal konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-istess Partit Nazzjonalista t-Tlieta waranofsinhar.
Konferenza indirizzata minn Karol Aquilina, Mark Anthony Sammut, u Ryan Callus: esponenti ewlenin tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista, li jagħmlu parti mill-famużi Blue Heroes, u li saħansitra huma qrib sew tal-għaqda Repubblika, b’ħu Karol Aquilina jmexxi l-istess għaqda.
F’din il-konferenza tal-aħbarijiet it-tliet kelliema tal-Partit Nazzjonalista ftaħru bil-manifest elettorali tagħhom tal-2017, li jipproponi ċar u tond mekkaniżmu anti-deadlock bħal dak li llum hemm quddiem il-Parlament.
Fil-fatt, fil-programm elettorali tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kien ippropona li, sabiex ma niġux f’pożizzjoni li l-ogħla karigi tal-Istat jibqgħu vojta għax ma jkunx intlaħaq vot ta’ żewġ terzi fil-Parlament wara żewġ votazzjonijiet, “it-tielet vot ikun b’maġġoranza sempliċi sabiex il-ħatra tkun tista’ ssir.”
Il-Partit Laburista sostna li l-Partit Nazzjonalista jkun qed ikun kapriċċuż meta jopponi mekkaniżmu anti-deadlock li ppropona hu stess.
Dan, bħalma kien kapriċċjuż ukoll meta mar lura mill-ftehim fuq kandidat idonju għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
It-Tnejn filgħaxija, f’diskors parlamentari waqt it-Tieni Qari tal-emenda għall-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Ministru Robert Abela afferma proprju dan hekk kif irrimarka li l-Partit Nazzjonalista baqa’ qatt ma ta raġuni valida għaliex qed jopponi l-ħatra tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
“Jopponu kariga, għadni kif semmejtha u nibqa’ nsemmiha, mingħajr ma jagħtu mqar raġuni valida waħda, u diffiċli biex jagħtu raġuni kontra l-eventwali vot tagħhom. Għaliex infakkar li l-Prim Imħallef Emeritu kien inħatar imħallef fiż-żmien Gvern Nazzjonalista. Inħatar imħallef fiż-żmien li l-Gvern kien jagħżel direttament – il-Prim Ministru- – l-imħallfin u l-maġistrati. Mela kien bniedem tal-fiduċja tal-Gvern ta’ dakinhar, u eventwalment serva fl-għola kariga tal-qrati tagħna bħala primus inter pares, bħala l-President tal-Qorti, u serva din il-kariga b’dekor.”
Dan bħalma l-Partit Nazzjonalista qatt ma ta raġuni għaliex aċċetta lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għall-kariga Kostituzzjonali ta’ Ombudsman iżda mhux għall-kariga istituzzjonali ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet li organizza l-Partit Nazzjonalista, ONE News staqsa proprju dwar dan. Madankollu, baqa’ mingħajr risposta hekk kif il-kelliema tal-establishment Nazzjonalista, evidentament skomdi, lebbtu l-barra mill-kamra li fiha kienet qed issir il-konferenza.