Il-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ għaddej bil-politika populista tiegħu, u qed jibqa’ jigdeb u jiżgwida lin-nies fuq suġġett sensittiv bħal dak tad-droga.
Dan fil-kuntest tar-riforma tal-Qorti tad-Droga, li l-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper tagħha għadha kif intemmet u ġie nnutat rispons pożittiv għaliha.
Kif diġà ġie mtenni, il-pieni b’rabta mat-traffikar tad-droga se jibqgħu l-istess u jwasslu sa għomor il-ħabs, għaliex ir-riforma hija intiża biss biex tkompli tagħti l-għodda lill-Qorti li titratta l-vera vittmi tad-droga.
Iżda fi stqarrija tal-Partit Laburista ġie nnotat kif dan ma jinteressa xejn lill-partit ta’ Bernard Grech, li baqa’ l-partit tal-konfużjoni, għaliex fuq naħa jibqa’ għaddej bil-miżinformazzjoni u l-qerq – fejn jgħid li l-Gvern qed iċedi l-armi fil-gwerra kontra t-traffikanti, u fuq naħa oħra, meta ħassu iżolat – għax stakeholders bħall-Caritas, is-Sedqa u l-OASI, irreaġixxew b’mod pożittiv għal din ir-riforma meħtieġa, spiċċa jaqbel mal-maġġoranza assoluta tal-proposti fil-White Paper.
Il-Partit Laburista kompla jispjega kemm dan jikkonferma kemm Bernard Grech għaġġel u xeħet il-partit tiegħu stess ġol-ħajt, anki fejn tidħol din ir-riforma.
Ta’ min jgħid ukoll li anke t-Times of Malta spjegat b’mod ċar li, għall-kuntrarju ta’ dak li qal Grech, ir-riforma mhix marbuta mal-użu personali, iżda għandha x’taqsam mal-Qrati tad-Droga.
L-istqarrija temmet tinnota kif il-fatti juru li l-uniku Gvern f’pajjiżna li ċeda l-armi kontra t-traffikaw tad-droga kien dak immexxi mill-partit ta’ Bernard Grech, li ma ddejjaq xejn jagħti l-maħfriet Presidenzjali lit-traffikanti tad-droga.