Bit-tema ‘Il-Ġid għall-Maltin’, il-Partit Laburista qed ilaqqa’ Konferenza Ġenerali Straordinarja, bil-għan li jkompli bil-proċess ta’ tiġdid fi ħdanu.
Matul il-jiem tat-Tlieta u l-Erbgħa, l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista flimkien mad-delegati, iddiskutew żewġ emendi statutorji biex, fost l-oħrajn, il-kumitati lokali jkunu iżjed il-qofol u ċ-ċentru tal-ħidma politika.
Il-President tal-Partit Laburista, Alex Sciberras, spjega ma’ ONE News li din id-diskussjoni kienet waħda b’temi li jixprunaw ’il quddiem id-delegati nfushom. Hawnhekk hu ta elenku ta’ waħda mill-mozzjonijiet li vvotaw għaliha.

“Finalment ukoll kellna mozzjoni oħra approvata minn din il-konferenza fejn erġjana tajna l-impenn tagħna, bħala partit, għal dik li hi t-trasparenza fit-tħaddim fiskali tal-Partit. Dan billi approvajna wkoll awdituri ġodda, awdituri ta’ stoffa, awdituri rinomati li jagħtu garanzija lil kulħadd li l-Partit Laburista, ġenwinament, qed jieħu responsabbiltà kbira l-obbligi tiegħu taħt il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.”
ALEX SCIBERRAS
Il-qofol ta’ din il-konferenza ġenerali straordinarja jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, il-Ħamis filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, appella lil kull min hu delegat jew tesserat u jixtieq jattendi.
“Nagħmel appell issa, wara dawn il-jumejn tant interessanti, fejn kellna diskussjoni flimkien mad-delegati. Għada l-Partit Laburista se jkun qed jiftaħ il-bibien tiegħu mhux biss għad-delegati, imma wkoll għall-membri tesserati. U nagħmel appell biex niltaqgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista mis-6:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem biex nilħqu anke l-qofol ta’ din il-konferenza, id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.”
LEONID MCKAY
