Beppe Fenech Adami u Simon Busuttil ma jistgħux jibqgħu siekta u jaħarbu milli jwieġbu. Iddikjara dan il-Partit Laburista, wara li l-Ħadd li għadda kienet żvelata storja fil-mezzi tax-xandir lokali, dwar allegat każ ta’ ħasil ta’ flus u drogi, li tinvolvi kumpanija bl-isem ta’ Baltimore. Kumpanija li wieħed mid-Diretturi tagħha m’huwa ħadd ħlief il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
“L-istess Fenech Adami u l-Kap tiegħu Simon Busuttil ma jistgħux jibqgħu jippruvaw jaħarbu u ma jwieġbux,” qal il-Partit Laburista.
Intqal li mingħajr ma wieħed jidħol fil-mertu tal-każ, li fuqu għaddejjha inkjesta minn eks-ġudikanti, huwa ta’ min jinnota x’kien iddikjara Beppe Fenech Adami dwar l-irwol ta’ Diretturi f’kumpaniji fiduciary.
Dan b’referenza għall-każ tal-commissions fuq ix-xiri taż-żejt, u r-responsabbilitajiet li jġorru, ironikament fl-istess żmien li l-awtoritajiet Maltin irċievew it-talba mill-awtoritajiet Olandiżi għall-informazzjoni fuq il-każ li fih hemm kumpanija li tagħha huwa Direttur.
“Ikun għaqli li huwa jitkellem, hekk kif bl-istess riga tiegħu kien hemm persuni li rrizenjaw u rtiraw minn pożizzjonijiet li kellhom,” qal il-Partit Laburista.
“Jekk irid li xi ħadd jibda jieħdu ftit bis-serjetà, il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jieqaf jagħmilha ta’ judge & jury fejn fil-każ ta’ Beppe Fenech Adami diġa’ qal li huwa m’għamel xejn ħazin,” temm il-Partit Laburista.