Il-Partit Laburista huwa l-Partit tax-xogħol, il-Partit li joħloq l-opportunitajiet, u l-Partit li jinvesti fin-nies.
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Partit Laburista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi u d-Deputat Alex Muscat.
Konferenza li fiha ġie sostnut kif it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu f’pajjiżna mhuwiex il-wasla, iżda huwa l-għodda biex naslu iktar ’il bogħod. Ġie sostnut li fl-ewwel ta’ Mejju jrid jintbagħat sinjal li din hija t-tip ta’ politika li jrid il-pajjiż.
Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Alex Muscat elenka numru ta’ statistiċi li jkomplu jikkonfermaw kemm, għall-Gvern Laburista, il-ħaddiem jinsab fiċ-ċentru tal-politika. Dan anke grazzi għal miżuri bħat-tapering tal-benefiċċji u l-in-work benefit. Titjib f’din l-aħħar miżura wassal għal kważi 5 darbiet aktar ħaddiema li jgawdu minn dan il-benefiċċju għal total ta’ 24,000 ruħ.
“Kemm ilu Prim Ministru Robert Abela kull 3 ijiem żewġ persuni li kienu jirreġistraw għal xogħol sabu impjieg. Taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela, kull 3 ijiem, 7 persuni li kienu jiddependu minn xi forma ta’ assistenza soċjali, ma baqgħux dipendenti fuq din l-għajnuna. Din hija waħda mill-aktar kisbiet li għandna għal qalbna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi rrimarka d-deċiżjonijet li affettwaw b’mod pożittiv il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdexin u l-ħaddiema, fosthom trasport b’xejn tal-iskola għall-istudenti f’pajjiżna, eżamijiet b’xejn tas-SEC u l-MATSEC, u trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.
“Ma rridux ninsew il-mod kif ħdimna biex nies, b’mod partikolari nisa, setgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol għaliex tajna l-faċilitajiet ta’ childcare b’xejn. Kien hemm żmien fejn persuni li kienu jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom ma kienx vijabbli finanzjarjament għalihom li jmorru għax-xogħol għax biex tibgħat it-tfal fiċ-childcare kienet tiswa ħafna flus.”
Intant fi stqarrija, il-Partit Laburista afferma li l-fiduċja fil-ħaddiema hija u se tibqa’ element konsistenti ta’ dan il-Gvern.