“Il-Partit Laburista għandu l-kredenzjali kollha biex imexxi lil Malta.”
Iddikjara dan id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef f’intervista li kellu fuq ONE Radio, fejn hawnhekk huwa tkellem dwar il-kredibilità u kompetenza tal-Partit Laburista.
Daniel Micallef qal kif mill-analiżi tal-viżjonijiet li ż-żewġ partiti ewlenin poġġew quddiem l-elettorat Malti, joħroġ biċ-ċar kif min-naħa għandek il-Partit Laburista li għandu pjan ċar u ambizzjuż għal dan il-pajjiż u min-naħa l-oħra hemm il-Partit ta’ Bernard Grech li huwa negattiv u ankrat fil-passat.
F’messaġġ pożittiv, il-Perit Micallef qal kif mal-Partit Laburista taf fejn qiegħed.
Micallef tenna, “Il-Poplu Malti u Għawdxi, anke min qed isegwina jafu li aħna fuq dak li qed inwiegħdu qed ngħidu l-verità, għaliex dak li qed ngħidu se nwettquh u magħna bħala partit taf fejn qiegħed.”
Fl-intervista, Daniel Micallef semma l-investiment massiċċ li Gvern Laburista għamel fil-pensjonanti kollha Maltin u Għawdxin anke meta raw żieda fil-pensjoni tagħhom sena wara sena u hekk se jibqa’ jiġri, jekk il-Partit Laburista jingħata fiduċja.
Il-Perit Micallef qal kif kull proposta, li warajhom hemm ħsieb kbir u l-involviment ta’ mijiet ta’ persuni, se tagħmel differenza pożittiva f’ħajjet in-nies.
It-tfal ukoll huma fiċ-ċentru tat-tfassil f’dan il-manifest, hekk kif fi kliem Micallef dawn huma l-futur ta’ dan il-pajjiż.
Fuq ONE Radio, huwa tkellem ukoll dwar ir-ruħ soċjali tal-Partit Laburista u kif l-aktar nies li għandhom bżonn għajnuna f’dan il-pajjiż, se jibqgħu jsibu dejjem l-id t’għajnuna u s-sostenn ta’ Gvern Laburista ġdid.
L-appell tad-Deputat Mexxej għall-poplu Malti u Għawdxi kien wieħed.
Id-Deputat Mexxej appella, “L-appell tiegħi, hu li jiena nemmen li l-Partit Laburista għandu r-riċetta biex dan il-pajjiż ikompli miexi fid-direzzjoni t-tajba fuq ħafna aspetti li kellna u għad għandna tajbin bħala pajjiż u importanti li nenfasizza li f’dawn id-disa’ snin sar ħafna u ħafna ġid u konna kapaċi nilqgħu għal ċertu sfidi għax sar ħafna ġid, qed nibnu fuqu u l-Ministru Elettorali qed jibni fuq dan.”