Dak li kiseb il-Partit Laburista permezz ta’ Jum il-Ħelsien għadna ngawduh sal-lum għax witta’ t-triq għall-futur ta’ pajjiżna. Dan qalu d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Alex Agius Saliba, waqt il-ftuħ ta’ esebizzjoni kommemorattiva fiċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni fl-Imtarfa, li tat bidu għall-attivitajiet organizzati mill-Partit Laburista biex jitfakkar is-46 anniversarju minn Jum il-Ħelsien bit-tema ‘Ħelsien: Il-Ġid għall-Maltin’.
Dr Agius Saliba Saħaq li l-Partit Laburista ħadem u stinka biex iġib lil Malta l-ewwel u qabel kollox, mhux fl-era tal-Ħelsien biss, iżda wkoll riċentament meta l-Prim Ministru Robert Abela kompla jippreserva l-prinċipji tan-newtralità u n-non-allinjament skont l-obbligi kostituzzjonali u saħaq fuq il-bżonn tal-paċi u d-djalogu fl-isfont tal-instabilità fir-reġjun tal-Mediteran.
“u allura din hija l-ewwel parti minn din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħelsien. Il-ħelsien illi din is-sena se nkun qed niċċelebraw il-ħelsien soċjali, il-ħelsien ekonomiku illi għamel pajjiżna meta ħeles mill-barrani. Meta, u fl-aħħar mil-aħħar, qed nagħmlu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għal din ir-raġuni. Għaliex is-sinifikat, l-għan ta’ jum il-ħelsien ta’ sitta u erbgħin sena ilu kien perkors u mixja twila ħafna illi għamel il-pajjiż u mexxa l-quddiem il-Partit Laburista.”
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Alex Aguis Saliba
Is-sindku tal-Imtarfa, Dale Hayman, spjega kif l-Imtarfa huwa eżempju tal-progress li sar f’pajjiżna mil-lat soċjali u ekonomiku, minħabba li minn binjiet militari b’aċċess ristrett, inbidel fi djar residenzjali għan-nies.
“Hija ta’ sodisfazzjon illi wirja bħal din ġiet imtella’ ġo din il-binja għaliex l-għan ewlieni tagħha kien li nfakkru diversi binjiet li kienu jużaw il-militari Ingliżi permezz ta’ pjanti oriġinali fosthom tal-isptar militari kif ukoll ta’ binjiet storiċi ġewwa l-Imtarfa”
Is-Sindku tal-Imtarfs, Dale Hayman
Min-naħa tiegħu, il-kuratur tal-esebizzjoni Ħelsien: Il-Ġid għall-Maltin, Dr Anthony DeGiovanni, qal li din l-esebizzjoni turi aspett ieħor tal-ġrajja storika ta’ Jum il-Ħelsien għax tesponi kif Gvern Laburista ta’ żmien il-Perit Mintoff uża mill-ġdid binijiet tal-Ingliżi biex iżid l-ispazju għall-akkomodazzjoni soċjali.
“Il-Perit Mintoff li kien il-Prim Ministru artefaċċi tal-ħelsien ried, u kien miegħu l-Gvern jutilizza l-magna tal-gwerra, dak li kellhom, jiġifieri dak li kellhom il-forzi militari Ingliżi f’Malta għall-ġid tal-Maltin u allura kien hawn ħafna binjiet u l-gvern Laburista ried illi dawn il-binjiet jmorru bħal is-saqaf fuq ra ħafna Maltin li dak iż-żmien ma kellhomx fejn joqgħodu.”
Il-kuratur tal-wirja, Anthony DeGiovanni
Għall-ftuħ tal-esebizzjoni kommemorattiva kien hemm il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras u l-Kap Eżekuttiv Leonid McKay