Bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika fuq ir-riforma proposta mill-Gvern fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet, il-Partit Laburista organizza diskussjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-Ħamrun.
Ir-riforma proposta se tara, fost l-oħrajn, it-tneħħija tal-proċess tar-rinviji fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u li l-kumpilazzjonijiet jingħalqu fi żmien sena minn meta l-imputat jitressaq jew jidher għall-ewwel darba quddiem il-Qorti.
Preżenti kien hemm nies minn kull spettru tas-soċjetà fosthom esperti fis-settur legali. Kien hemm ukoll membri mill-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, inkluża l-President tal-Partit, Ramona Attard.
Ramona Attard qalet “Flimkien mal-membri, flimkien mad-delegati, flimkien ma’ diversi nies li jaħdmu fis-settur, noffru wkoll lill-Gvern il-proposta tagħna fuq il-mejda.”
Kien preżenti wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, li saħaq fuq l-importanza tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, speċjalment fuq liġijiet sensittivi. Huwa kompla jgħid li parti minn din ir-riforma proposta hi li jkun hemm żidiet fir-riżorsi u żidiet fin-nefqa bla preċedent. Il-Ministru spjega kull proposta u r-rakkomandazzjonijiet li saru mill-esperti.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sal-31 ta’ Mejju.

