Il-Prim ministru Joseph Muscat, qal kif il-Partit Laburista kiseb 58% tal-vot li jfisser distakk ta’ 18%, jiġifieri 47,000 vot li huma rekord.
Dr. Muscat qal kif dan is-suċċess kien possibbli permezz ta’ ħidma sfieqa b’tim dedikat li ħadem qatigħ matul din il-kampanja elettorali. Qal li lil hinn minn hekk, il-Partit Laburista kiseb simbolikament il-Belt Valletta li qies din il-kisba bħala riżultat importanti fejn il-PL kiseb lokalitajiet oħrajn għall-ewwel darba bħas-Siġġiewi u kif ukoll oħrajn mill-ġdid lokalitajiet bħall-Mosta.
Qal li jinsab sodisfatt ferm bil-kisbiet ta’ kandidati żgħażagħ iżda aktar minn hekk ta’ kandidati nisa, li għalkemm jemmen li għad fadal xi jsir, fejn il-programm LEAD ħalla l-effett mixtieq fejn qal li aktar minn 80% tal-kandidati li kienu fil-programm LEAD ġew eletti fosthom anke Sindki u Viċi Sindki.
Dr. Muscat qal li din il-kisba tfisser responsabbiltà fuq livell lokali ta’ Malta kollha fejn hemm ħafna xi jsir, fejn iridu jitranġaw l-istrutturi sabiex isir monitoraġġ sabiex jiġi mħares x’qiegħed isir mill-Kunsilli Lokali biex jaħdmu f’awtonomija.
Il-Prim Ministru ma naqasx milli jirringrazzja lill-volontiera kollha, ħaddiema u dawk kollha li għenu sabiex din il-kampanja tkun ta’ suċċess.