Il-Partit Laburista se jtella’ maratona ġbir ta’ fondi nhar il-21 ta’ Settembru li ġej f’Jum l-Indipendenza, l-għada li tintemm il-konferenza ta’ erbat ijiem li fost oħrajn se tiddiskuti ideat għal tiġdid.
Dan ħabbru id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista l-Perit Daniel Micallef fuq l-istazzjon ONE it-Tlieta, fejn hawn stieden lil kull min jixtieq biex jinvesti fil-Partit Laburista.
Il-maratona bit-tema Inġeddu Malta flimkien se ssegwi erbat ijiem konferenza intensiva bejn l-istrutturi kollha tal-Partit. Fl-istess ħin, qabel il-bidu tal-istess konferenza nhar id-19 ta’ Settembru, il-Partit Laburista se jorganizza diskussjonijiet oħra fuq diversi temi, bħall-IVF, Għawdex, is-sistema elettorali u l-edukazzjoni fost oħrajn. L-għan hu li minn dawn id-diskussjonijiet ikun jista’ jitfassal qafas għad-diskussjoni li eventwalment ikompli jimplimenta l-viżjoni tal-partit.
Dan kien fissru wkoll il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fl-aħħar intervista li kellu fuq l-istazzjonijiet ONE, fejn enfasizza li jekk aħna lkoll inġeddu lil dan il-pajjiż flimkien, nibqgħu forza politika ħajja u b’saħħitha li dejjem moħħha fil-futur.
Fuq il-programm Pjazza tat-Tlieta, propju meta ħabbar id-data tal-ġbir ta’ fondi li jmiss, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista qal li dan hu l-mod kif il-Partit Laburista jwieġeb għall-isfidi, inkluż attakki mill-avversarji politiċi.
Id-Deputat Mexxej tal-Partit, tal-Partit Laburista Daniel Micallef qal, “Aħna bħala partit għal dawn it-tip ta’ attakki se nwieġbu b’aktar ħidma. Qed inġeġġu lin-nies biex nhar il-21 ta’ Settembru se norganizzaw maratona ġbir ta’ fondi wkoll għal dawk kollha li jixtiequ li l-Partit Laburista jibqa’ l-akbar forza politika tal-pajjiż.”