Il-Konferenza Ġenerali annwali tal-Partit Laburista bit-tema Fiduċja f’Pajjiżna, kienet konferenza ġenerali ta’ suċċess.
Konferenza li mhux biss immarkat il-ħidma li wettaq il-Partit Laburista tul is-sena li ninsabu fiha, iżda ħarset ukoll lejn il-ġejjieni.
B’kelliema ta’ esperjenza u oħrajn ġodda, il-konferenza reġgħet kienet xhieda tal-kompetenza u t-tiġdid fil-Partit Laburista, li f’sena ta’ rebħa elettorali kompla jitkellem dwar il-pjan tiegħu għall-bidla.
Reġgħet kienet konferenza ġenerali ta’ partit magħqud b’kelliema diversi jispjegaw il-mod kif il-gvern u l-grupp parlamentari, jinsabu wara l-Prim Ministru Robert Abela li qed iwassal biex il-gvern iwettaq dak imwiegħed
Il-fergħat tal-Partit Laburista reġgħu kienu attivi, u l-konferenza ħatret ukoll il-membri tal-eżekuttiv nazzjonali. Qabel imbagħad ġiet bi tmiemha wkoll bid-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela.
Diskors, quddiem udejnza entużjasta, li kien ibbażat fuq il-fiduċja f’pajjiżna, u l-ħtieġa li l-Partit Laburista jibqa’ l-partit tar-riformi u l-ġustizzja soċjali.
“Għalhekk il-partit tar-Riformi,tal-ġustizja soċjali, tal-aspirazzjoni. Fuq dawn se nibnu futur sabiħ. Futur sabiħ f’Għawdex u Malta tagħna. Il-pajjiż li tant inħobbu.Il-pajjiż li għandna fiduċja fih!”