Il-Partit Laburista xtara binja fil-Ħamrun li se tkun qed isservi bħala l-Każin tal-istess partit f’din il-lokalità.
Din tinsab fi Triq il-Kbira San Ġużepp, erba bibien ‘l isfel minn fejn il-Partit Laburista kien qed jikri binja oħra bħala l-każin tiegħu.
Il-kap eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista spjega kif ix-xiri ta’ din il-binja saret b’ħafna għaqal.
Randolph Debattista, il-Kap Eżekuttiv tal-PL qal: “Hija binja fejn kull sular se jkun qed jirrendi wkoll finanzjarjament igifieri kienet deċiżjoni għaqlija li ħadet l-amministrazzjoni flimkien mal-kumitat biex bħala partit ikollu l-binja tiegħu hawnhekk ġewwa l-Ħamrun imma mhux taqbad tixtri bl-addoċċ, trid tfittex proprjetajiet illi jagħmlu sens”.
Sa ftit xhur ilu, din il-binja kienet isservi bħala l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, u fil-passat, kien joqgħod fiha l-ewwel qaddis kanonizzat Malti San Ġorġ Preca.
Is-Segretarju tal-Kumitat Laburista tal-Ħamrun Mario Caruana spjega kif it-tqassim tal-binja, li ilha mibnija madwar 25 sena, inbidel biex jakkomoda lill-istess Kumitat.
Mario Caruana, Segretarju tal-kumitat PL Ħamrun qal: “Nitilqu mis-sular t’isfel iġifieri l-ground floor u basement fejn ħa jkunu żewg sulari u ħa jitilqu għal kummerċ bħala cafeteria, bar and restaurant. L-ewwel sular ġie konvertit fl- uffiċini amministrattivi tagħna tal-lokal fejn minn hawnhekk ħa jkun il-qofol tagħna tal-ħidma politika iġifieri s-sustanza tagħna ħa tkun hawnhekk”.
Fit-tieni sular se jkun hemm sala li se tkun tista tinkera, filwaqt li t-tielet u r-raba sular se jkunu mikrija wkoll għal skopijiet ta’ uffiċċji.
Kull sular għandu kobor ta’ 70 metru kwadru, bir-raba wieħed igawdi xena mill-isbaħ tal-Knisja Parrokkjali ddedikata lil San Gejtanu.
Il-President tal-Kumitat Laburista tal-Ħamrun Silvana Civelli fissret kif l-iskop hu li din il-binja tkun awtosuffiċjenti, u għalhekk appellat għall-għajnuna mill-kostitwenti Ħamruniżi.
Dan hekk kif fis-16 ta’ Marzu se jkun hemm open day fl-istess binja.
Silvana Civelli, il-president mill-Kumitat tal-PL fil-Ħamrun qalet: “Se ssir open day biex dak li jkun inħeġġuh jiġi jagħti d-donazzjoni tiegħu filwaqt li jiġi jara l- potenzjal ta’ dil-binja u kemm se sservi għal affarijiet ħalli ngħinu lill-Partit Laburista jkompli jagħmel il-ġid li qed jagħmel fil-Gvern”.
Ix-xiri ta’ dil-binja fil-Ħamrun isewgi s-sejħa ta’ espressjoni li ħareġ il-Partit Laburista għal kiri ta’ proprjetà magħrufa bħala Raffles f’Pembroke.
Sejħa li qed tkompli tattira ħafna interess.
Huwa kompla billi qal: “Ghadhom s’issa n-nies qed jiġu jistaqsu u jinvolvu ruħhom biex jaraw xi jridu jagħmlu dwar il-proġett ta’ Raffles, proprjetà li għandha potenzjal enormi u proprjetà li hija wkoll ta’ valur storiku għal pajjiżna”.