Fit-tielet jum tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Insaħħu Malta Tagħna’, membri mill-amministrazzjoni u l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista żaru lukanda rinomata f’pajjiżna bl-isem ta’ Holm Boutique Hotel fejn iltaqgħu u tkellmu direttament mal-ħaddiema.
Filwaqt li semmew il-ħafna investimenti li saru sal-lum fil-qasam tat-turiżmu u l-ekonomija, ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista kellhom iċ-ċans iduru mal-lukanda li fiha diversi stili partikolari.
Waqt iż-żjara, intqal kif il-lukanda nfetħet proprju fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, però t-tmexxija tagħha rnexxielha żżomm il-ħaddiema kollha bis-saħħa ta’ sussidji u riformi li l-Gvern ta u għadu jagħti lin-negozji fi żmien ta’ sfidi mingħajr preċedent.
Wara din iż-żjara, il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard tat ir-reazzjoni tagħha ma’ ONE News u semmiet l-importanza ta’ din il-Konferenza, li biha l-Partit jibqa’ jiddjaloga man-nies f’oqsma differenti tal-ħajja.
Qalet, “Tinduna kemm it-tema tal-Konferenza Ġenerali ‘Insaħħu Malta Tagħna’ tagħmel sens meta tagħmel żjarat bħal dawn. Qegħdin f’din il-lukanda li fetħet il-bibien tagħha lit-turisti fl-2019. Bdew jgħidulna n-nies li jaħdmu hawnhekk li, ftit ġimgħat wara, faqqgħet il-pandemija tal-COVID. Illum qegħdin full occupancy u mhuwiex xi high season bħalissa u qed iħarsu ’l quddiem lejn din is-sena li ġejja li, skont huma, mistennija tkun aħjar mis-sena ta’ qabel.”
Sadanittant, il-General Manager ta’ Holm Boutique tkellem magħna u spjegalna l-kunċett uniku tal-lukanda li bih timxi.
Qal, “Il-forte tagħna hi l-boutiqness tal-proprjetà. Disgħa u għoxrin kamra, spa partikolari li mhux se ssib fi kwalunkwe post ieħor u ovvjament wieħed flimkien mat-tim tiegħi naħdmu biex nagħtu dak is-servizz u in return inkunu aktar known.”
Fi sfond tal-Konferenza ‘Insaħħu Malta Tagħna’, Borg Millo, tenna kif l-andament tax-xogħol hu wieħed pożittiv ħafna u għandhom prospetti għoljin għan-negozju tagħhom fiż-żmien li ġej.
Qal, “Bħala ċifri, dejjem żidna sena wara sena, issa bdew mill-2019 għall-2023, jiġifieri għandna daqsxejn fejn nistgħu nikkomparaw il-figuri u huma forecast pożittivi ħafna fejn anke bħala average room rate avvanzajna f’dak il-lat ukoll.”
Il-qofol tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista se jintlaħaq nhar il-Ħadd li ġej, 8 ta’ Ottubru, b’diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.