F’dawn il-jiem, il-Partit Laburista ħareġ b’għadd ta’ billboards biex jesponu d-dokument ta’ qabel il-Budget tal-Partit Nazzjonalista li kien ‘bla beef’ (nieqes mis-sustanza).
Fuq il-billboards tal-Partit Laburista jidher il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech bid-dokument ta’ qabel il-Budget tal-PN, li nżamm mistur mill-partit tiegħu stess. Dan id-dokument ġie ppubblikat mill-Partit Laburista ftit qabel ir-reazzjoni tal-Kap Nazzjonalista dwar il-Budget fil-Parlament.
Kien fil-bidu tas-sajf li għadda meta l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech beda jikteb dan id-dokument flimkien ma’ sitt esponenti oħra tal-Partit, fosthom il-Viċi Kap, is-Segretarju Ġenerali u erba’ kelliema Nazzjonalisti oħra.
Iżda wara li ġew ikkonsultati diversi esperti, id-dokument tal-PN baqa’ qatt ma ġie ppubblikat. Dan minħabba li l-proposti li fih dan id-dokument xejn ma impressjonaw lill-membri parlamentari Nazzjonalisti u lill-esperti tagħhom tant li fost ir-rimarki li saru fuqu kien hemm ‘more beef’ u ‘this need work’.
Il-Partit Laburista ppubblika dan id-dokument biex jikxef in-nuqqasijiet fil-kontenut u fil-ħsieb ekonomiku tal-Partit Nazzjonalista biex il-poplu jkun jista’ jiġġudika l-qagħda li tinsab fiha l-Oppożizzjoni, minkejja d-dikjarazzjonijiet li għamel il-Kap tagħhom Bernard Grech li lest biex jiggverna.