Matul is-Seduta Parlamentari tal-Ħamis, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista ressaq mozzjoni fil-Parlament biex bl-approvazzjoni tagħha, il-Parlament jibgħat messaġġ ċar għal ġustizzja fil-ħin, fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Iż-żagħżugħ tilef ħajtu b’konsegwenza tat-tiġrif tal-binja fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin, li fiha kienu qegħdin isiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Bil-mozzjoni, kif emendata min-naħa tal-Gvern, tingħaqad mal-appell li l-Prim Ministru Robert Abela għamel lill-Prim Imħallef fit-13 ta’ April ta’ din is-sena biex jiżgura li din l-inkjesta maġisterjali tingħalaq.
Dan hekk kif it-terminu legali għall-għeluq tagħha ilu li skada, u għalhekk biex il-kors tal-ġustizzja jimxi ’l quddiem, u kull min kien responsabbli għal dak li ġara f’dan il-każ, iwieġeb għal għemilu.
Dwar dan intervjena l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, li saħaq fuq l-importanza tal-ispeditezza fil-proċess ġudizzjarju, permezz tal-inkjesta maġisterjali, biex tinġarr ir-responsabilità kollha b’rabta ma’ dan il-każ.
Hawn il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li,“Irridu nassiguraw li, permezz tal-mezzi ġudizzjarji mwaqqfa mil-liġi, naraw li naslu għall-konklużjonijiet dwar x’seħħ dakinhar. X’kienet il-kawża ta’ dakinhar u li fuq kollox min għandu r-responsabilità għall-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fl-iqsar żmien possibbli, iwieġeb għal għemilu.”
Filwaqt li l-mozzjoni ħeġġet lill-awtoritajiet investigattivi biex fejn huwa possibbli jżommu lill-familja taż-żagħżugħ aġġornata bl-iżviluppi fl-investigazzjoni, ikkundannat ukoll kull diskors dispreġjattiv li ntqal fil-konfront tal-istess familja.
Esprimiet ukoll id-dispjaċir u s-sogħba għall-mewt traġika ta’ dan iż-żagħżugħ u kull persuna oħra li tilfet ħajjitha traġikament f’dawn it-tip ta’ inċidenti. Inċidenti li dwarhom ħeġġet lill-awtoritajiet ġudizzjarji, biex fl-iqsar żmien possibbli, jikkonkludu kull inkjesta pendenti marbuta mal-mewt traġika ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Il-mozzjoni Parlamentari nnotat li l-Gvern implimenta u qed ikompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport indipendenti dwar is-settur tal-kostruzzjoni, magħruf bħala r-Rapport Quintano, filwaqt li appellat lill-imsieħba soċjali kollha biex ikunu parti mill-bidliet meħtieġa biex f’pajjiżna nsaħħu kultura favur aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Bil-Gvern ġie mħeġġeġ jibqa’ jinvesti r-riżorsi meħtieġa biex l-awtoritajiet marbuta ma’ dan is-settur ikomplu jsaħħu l-ħidma tagħhom u jwettqu r-riformi meħtieġa bi djalogu wiesa’ maċ-ċittadini u ma’ dawk involuti f’dan is-settur.
Fl-intervent Parlamentari tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, assigura li l-emendi mressqa min-naħa tal-Gvern huma ntiżi biex issir ġustizzja sħiħa f’dan il-każ.
Hu nnota wkoll l-aġir tal-Oppożizzjoni li dawret dan il-każ f’ballun politiku hekk kif din marret lura milli tiddiskuti dan is-suġġett meta kellha l-opportunità.
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li, “Jiena nfakkar li xhur ilu l-Oppożizzjoni ħarġet tgħid li se tressaq din il-mozzjoni, però mbagħad iddeċidiet li tagħti prijorità lil suġġett ieħor li kien għadu kif jiġi diskuss f’dan il-Parlament. Lil hinn mill-atteġġjament tal-Oppożizzjoni aħna se nibqgħu Gvern li jmexxi b’responsabbiltà u b’maturità, l-istess kif titlob l-emenda li tressqet aktar kmieni mill-Whip tal-Gvern. Aħna qed nesiġu li ssir ġustizzja.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja stqarr ukoll li l-Oppożizzjoni ma tridx tingħaqad mal-appell tal-Gvern biex l-inkjesta maġisterjali tinvestiga skont il-liġijiet kriminali. Dan b’differenza għal dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni, li qed timbotta inkjesta pubblika, li hi limitata, minħabba l-fatt li din tkun tista’ tinvestiga biss affarijiet ta’ natura amministrattiva.
Il-Ministru Attard innota wkoll li, f’każ li ż-żewġ inkjesti jimxu pari passu, dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ġustizzja fid-dawl li x-xhieda ma jistax jixhdu f’postijiet oħrajn, bħal inkjesta pubblika, waqt li tkun għaddejja inkjesta maġisterjali.
Attard elenka wkoll l-impenn tal-Gvern li kompla jinvesti fil-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna, filwaqt li l-Gvern implimenta wkoll numru ta’ riformi li wasslu għal aktar imparzjalità tal-ġudikatura f’pajjiżna.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, ukoll elenka l-ħidma li qed iwettaq il-Gvern fejn qiegħed jagħmel riformi fil-qasam tal-kostruzzjoni, primarjament bl-introduzzjoni tal-liċenzjar tal-kuntratturi u r-reviżjoni tal-liċenzja tal-bennejja. Dan apparti t-tiġdid fl-Aġenzija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, fost l-oħrajn.