Wara li x-xahar ta’ Marzu ra l-għeluq tal-kampanja elettorali l-Partit Laburista jinsab iħejji aktar attivitajiet, din id-darba biex jiċċelebra l-festa ta’ jum il-ħaddiem, fl-ewwel ta’ Mejju.
I-President tal-Partit Laburista Ramona Attard spjegat kif l-attivitajiet ser jingħataw bidu fid-29 ta’ April bil-ftuħ tal-Plenarja tal-Konferenza Ġenerali.
Qalet, “Liema plenarja ser tikkonferma l-ħatriet tal-Mexxej Laburista u taż-żewġ deputati mexxejja, jiġifieri d-Deputat Prim Ministru, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament kif ukoll id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.”
Il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, li għandha ssir skont l-istatut, ser tkun qed tressaq din il-konferma quddiem id-delegati.
Il-qofol se jintlaħaq fl-ewwel ta’ Mejju bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela f’attività ta’ ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, li ser tittella’ fi Pjazza Kastilja, il-Belt.
Dr Ramona Attard stqarret ukoll kif fl-istess ġurnata l-Partit Laburista ser ikun qiegħed itella’ maratona ġbir ta’ fondi.
Din ser tittella’ miċ-Ċentru Nazzjonali fil-Ħamrun mill-għaxra u nofs ta’ filgħodu ’l quddiem.
Matul il-ġurnata ser jittellgħu bosta attivitajiet bis-sehem tad-deputati Laburisti.
Il-pubbliku qiegħed ikun imħeġġeġ biex mhux biss jagħmel id-donazzjoni tiegħu permezz tat-telefon iżda jmur fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jiltaqa’ ma’ dawk preżenti fosthom il-familja Abela u l-amministrazzjoni tal-Partit.
Il-President tal-Partit Laburista temmet tappella għall-kontribut tal-pubbliku li ra l-kampanja professjonali li tella’ l-Partit Laburista u li rrikjediet riżorsi finanzjarji.
Qalet, “U għal darb’oħra qed imur quddiem in-nies il-Partit Laburista biex kulħadd jagħti mill-ftit li jista’ sabiex inkomplu nikkontribwixxu u nwasslu l-messaġġ tagħna għaż-żminijiet importanti li ġejjin.”