Quddiem l-Uffiċjal Reviżur, il-Maġistrat Kevan Azzopardi, il-Partit Laburista ġie mċaħħad milli jintervjeni fil-kawżi li fetaħ il-Partit Nazzjonalista li qed jitlob biex nies li ħa jmorru jgħixu f’post ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, ma jivvotawx fis-Siġġiewi stess.
Fl-awla tal-Qorti, l-Avukat u President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard qalet li hi saret taf li l-Uffiċjal Reviżur ċaħad it-talba li l-Partit Laburista jintervjeni dawn il-kawżi mill-Parlament meta id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li hu l-Avukat tal-Partit Nazzjonalista f’dawn il-proċeduri qara d-digriet fil-Parlament.
Dr Attard saħqet li hija ma kinitx notifikata bid-digriet minkejja li kienet hi li għamlet ir-rikors biex tintervjeni.
F’dak il-mument, l-Uffiċjal Reviżur qal li jaf li ma kinitx notifikata għax ma setgħux isibu d-dettalji tal-Avukat Ramona Attard.
L-Avukat Ramona Attard qalet li l-aktar post ovvju li setgħet tiġi notifikata fih hu ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Ħamrun.
Intant wara li qara l-istess deċiżjoni li qara jiem ilu Karol Aquilina fil-Parlament, l-Uffiċjal Reviżur kien infurmat mill-Avukat Ramona Attard rappreżentata mill-Avuakti Pawlu Lia u Ryan Ellul, li hi ser tappella minn dan id-digriet u għalhekk qed titlob is-sospensjoni tal-proċeduri.
L-Avukat Attard saħqet li se tappella anke peress li żewġ uffiċjali reviżuri oħra, il-Maġistrati Gabriella Vella u Donatella Frendo Dimech, kienu laqgħu t-talba biex il-Partit Laburista jintervjeni.
L-Uffiċjal Reviżur Kevan Azzopardi qal li skont hu mhemmx dritt ta’ appell mid-deċiżjoni tiegħu u għalhekk ma kinx se jissospendi l-proċeduri.
L-Avukat Attard saħqet li b’dan il-mod, jekk ser jitkomplew il-proċeduri, il-Partit Laburista kien se jiġi preġudikat filwaqt li l-Avukat Pawlu Lia saħaq li b’dak li għamel l-Uffiċjal Reviżur iddecieda hu stess l-appell ukoll li ma kinitx fil-poter tiegħu li jagħmel.
Intant il-Partit Laburista issottometta l-appell mid-deċiżjoni tal-Uffiċjal Reviżur Kevan Azzopardi, li ddeċieda li ma jilqax it-talba tal-Partit Laburista li jintervjeni.