Steve Ellul trabba u jgħix iż-Żejtun.
Steve huwa Analista Finanzjarju u Lecturer fl-Università ta’ Malta. Għal bosta snin okkupa karigi ewlenin fil-Bank of Valletta fejn kien responsabbli għat-tmexxija ta’ investimenti Maltin u barranin inkluż fl-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Lvant Nofsani.
Gradwa bl-Unuri mill-Università ta’ Malta u kompla bl-istudji tiegħu b’Masters fil-Finanzi Korporattivi f’università Ewropea. Wara, Steve sar Chartered Financial Analyst, b’ċertifikat ta’ eċċellenza fis-settur maħruġ mis-CFA Institute f’Charlottesville, fl-Istati Uniti, fejn iddistingwa ruħu bħala wieħed mill-Analisti Finanzjarji ċertifikati ta’ pajjiżna.
Fl-aħħar snin kien konsulent fil-qasam tal-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli fejn mexxa ’l quddiem il-kunċett tal-ESG f’Malta. Pass li permezz tiegħu bosta negozji Maltin illum qegħdin jinvestu fl-ambjent u fit-tisħiħ soċjali u korporattiv tagħhom.
Fl-istess żmien Ellul kien inkarigat biex imexxi l-grupp dwar l-ekonomija fil-proċess tal-100 IDEA tal-Partit Laburista fejn ħareġ b’numru ta’ proposti li llum qegħdin jitwettqu bħala parti mill-Programm Elettorali tal-Gvern Laburista.
Bħala Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Project Green, huwa tellaq proġetti ambjentali b’saħħithom f’San Ġwann u Bormla kif ukoll tnieda l-Community Greening Grant li qed jara investiment f’16-il lokalità madwar Malta u Għawdex.
B’kollox, taħt it-tmexxija ta’ Ellul, Project Green irriġenerat 40,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa fosthom il-Park tal-Familja f’Birżebbuġa, estensjoni ta’ parks f’Ħaż-Żabbar, il-Mosta u Marsaksala kif ukoll ġonna fil-Qrendi, il-Gudja, Ħal Safi u l-Kalkara.
Fl-istess waqt Ellul kien strumentali biex Project Green akkwistat pakkett ta’ €8.5m f’fondi Ewropej li se jiġu investiti f’parks tal-famija fil-Fgura, in-Naxxar, il-Kottonera u Bengħajsa fost oħrajn.
Steve Ellul għandu 38 sena, miżżewweġ lil Marisianne u għandu żewġt ibniet, Aurora u Francesca.