Ftit tal-ħin biss wara li fil-Parlament il-Prim Ministru tkellem dwar riformi li hemm bżonn u kif dawn għandhom isiru fiż-żmien li ġej, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, ħareġ stqarrija biex jgħid li l-Prim Ministru ma jrid jibdel xejn.
Fi stqarrija, il-PL qal li tassew Adrian Delia huwa ddisprat jirrepeti l-istess diska ta’ Simon Busuttil bit-tama li mingħalih jibda jgawdi xi ftit appoġġ fost id-deputati tiegħu.
Qal li jekk irid jibda jiġbor ġieħu kien ikun aħjar li jitlob inkjesta bil-għan li toħroġ il-verità dwar l-allegazzjonijiet serji li għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia. Qal li sakemm ma jagħmilx hekk bir-raġun li kulħadd se jibqa’jgħidlu li għandu x’jaħbi u minn xix jibża’.
Il-PL sostna li l-pajjiż m’għandux ħin għal-logħob intern tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk kif tkellem ilbieraħ u llum il-Prim Ministru huwa determinat li jġib il-bidliet kostituzzjonali li hemm bżonn. Dan fl-istess ħin li jibqa’ jaħdem biex jikseb ix-xogħol u l-investiment.