Il-Pjazza tal-Mosta ħadet dehra ġdida għal żmien il-festi. Dan hekk kif Infrastructure Malta ħabbret li lestiet ix-xogħlijiet maġġuri f’dan il-proġett massiċċ u għaldaqstant setgħet tiżżejjen bħal bosta pjazez oħrajn madwar Malta u Għawdex.
Dawn ix-xogħlijiet inkludew il-pavimentar ġdid tal-pjazza tar-Rotunda u parti minn Triq il-Kostituzzjoni, bl-aħħar irtokki tal-proġett issa jinsabu f’idejn il-kunsill lokali.
B’investiment ta’ aktar minn erba’ miljun ewro, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA, u l-Awtorità tal-Ippjanar, b’disinn mill-Kunsill Lokali, il-proġett se jkun qed jara l-qalba tal-lokalità tiġi riġenerata għall-ewwel darba wara ħafna żmien.
Il-proġett irrikjeda li l-pjazza tinqala’ mill-qiegħ u jsiru sistemi ġodda ta’ drenaġġ, dawk għall-ġbir tal-ilma tax-xita u restawr tal-ġibjun li kien diġà jeżisti. Saru wkoll sistemi ġodda tal-ilma tax-xorb u tat-telekomunikazzjoni, waqt li ssaħħet id-distribuzzjoni tal-elettriku.
Saret sodda ġdida tat-triq, li fuqha tpoġġa l-pavimentar magħmul mill-Porfido u l-Lava.
Ix-xogħlijiet f’parti minn Triq il-Kostituzzjoni jinkludu ħidma fuq is-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita u rinovar ta’ bankini, inkluż b’materjal tal-qawwi. Fl-aħħar jiem tlesta wkoll ix-xogħol tal-asfalt.