Fu stqarrija Transport Malta qalet li hija kommessa li tara li l-pjazez pubbliċi jiġu iktar aċċessibbli għan-nies u b’hekk mill-ġimgħa l-oħra ngħata bidu għall-proċess formali biex jiġi estiż il-perjodu bejn il-Ġimgħa u s-Sibt mis-sebgħa ta’ filgħaxija sa nofsilejl fejn il-Pjazza tal-Mosta tkompli titgawda mill-familji, għalissa sa Jannar li ġej.
Intqal kif ir-rispons fl-aħħar xahrejn għall-għeluq ridott għall-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija kien wieħed pożittiv.
L-arranġament ġie komunikat lid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Ottubru, 2024 u se jkun qed jiġi ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern fl-edizzjoni ta’ għada.
Transport Malta spjegat li hija ħasra li inizjattiva importanti bħal din qed issib ostakli mill-Kunsill Lokali, minflok appoġġ,
speċjalment fid-dawl li jidher li jeżisti kunsens nazzjonali favur inqas vetturi fit-toroq u iktar
aċċessibbiltà għall-pubbliku.
Transport Malta tenniet li tibqa’ miftuħa għal djalogu kostruttiv biex ikollna iktar inizjattivi li jiskoraġixxu l-użu ta’ karozzi mill-pjazez u jkun hemm aċċess aħjar għal dawk illi jridu jgawdu l-pjazez sbieħ tal-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin.