Il-pjattaforma nazzjonali dwar il-kanċer issa hija uffiċjalment reġistrata bħala għaqda volontarja li ġġib flimkien 12-il għaqda oħra li jaħdmu favur aktar għarfien dwar din il-marda.
F’konferenza li ttellgħet jiem biss qabel il jum dinji dwar l-għarfien dwar il-kanċer, il-Professur Ray Galea li huwa ċ-Chairman tal-għaqda, spjega li minkejja li issa dawn l-NGOs se jaqgħu taħt il-kappa tal-pjattaforma, din mhux se tikkomprometti l-individwalità ta’ kull għaqda.
Il-President George Vella qal li din mhux biss xi ħaġa organizzattiva, iżda hija wkoll xi ħaġa li toffri spalla lil min hu fil-bżonn. Qal li għal dan il-għan il-pjattaforma għandha tifhem u tindirizza l-bżonnijiet ta’ kull għaqda li se tħaddan, fosthom billi tgħin fir-riċerka li għandha ssir.