Huwa Gvern Laburista li se jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-forzi dixxiplinati hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali li qed ikun implimentat.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn ġie spjegat, kif dan jibni fuq dak li diġa’ sar, hekk kif kien Gvern Laburista li għalaq ftehim kollettiv ma’ kull forza dixxiplinata.
Dan wara li kien Gvern Laburista li ta d-dritt lill-membri jissieħbu f’union, xi ħaġa li ma kinitx teżisti preċedentament.
Kien il-Prim Ministru nnifsu li fl-aħħar ġimgħat ħabbar inċentivi ġodda biex wieħed jibqa’ jservi lill-komunità u lill-pajjiżu, anke wara li jaqbeż l-età tal-irtirar.
Intqal, li filwaqt li l-preżenza tal-pulizija fost il-komunitajiet tibqa’ kruċjali u għandha tibqa’ tissaħħaħ biex ikollna komunitajiet iktar siguri, il-Partit Nazzjonalista ftit jista’ jagħti tagħlimiet dwar is-suġġett.
“Hija ħasra li għal darb oħra l-kelliem tal-intern tal-Partit Nazzjonalista ma kellux mqar kelma ta’ ħajr għax-xogħol u r-riżultati li qed jagħmlu l-forzi tal-ordni lejn u nhar” qal il-Partit Laburista.
L-istqarrija temmet tgħid li jekk irid jagħmel kuraġġ lill-pulizija l-ewwel ħaġa li għandu jagħmel il-kelliem tal-intern, jgħid lill-Kap tiegħu biex jieqaf jattakahom ma’ kull ċans li jkollu.