Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-pjan tal-Gvern biex jiġġieled il-pandemija hu magħruf u qiegħed ikun implimentat b’suċċess.
Dan hu pjan li filwaqt li jħares is-saħħa tan-nies, iħares ukoll il-kwalità tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dan il-pjan jattakka l-virus bil-vaċċin, filwaqt li jirregola r-restrizzjonijiet fuq il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
F’ħafna oqsma tal-ħajja illum l-attività fil-pajjiż marret jew bdiet tmur lura għan-normal.
Dan b’mod partikolari grazzi għall-implimentazzjoni b’saħħitha tal-programm tat-tilqim.
Programm tat-tilqim li kien fost l-iktar mgħaġġla u effiċjenti fid-dinja.
Il-Partit Laburista fakkar li għall-Partit Nazzjonalista dan il-programm ta’ tilqim ma kienx possibbli għax qal li Malta kienet se tikseb biss 40,000 doża ta’ vaċċin u għax skont l-Oppożizzjoni l-vaċċin mhux is-soluzzjoni.
Il-Gvern diġà saħansitra ħabbar il-passi li jmiss fil-programm ta’ vaċċinazzjoni nkluż b’rabta ma’ doża addizzjonali.
Fuq kollox, il-Gvern mhux biss għandu pjan biex iħares is-saħħa tan-nies, iżda wkoll biex iħares l-għajxien.
Dan ukoll qed ikun implimentat b’suċċess tant li l-pajjiż għandu l-inqas rata ta’ qgħad u f’diversi oqsma qed jibdew jintlaħqu livelli ta’ qabel il-pandemija.
Il-Partit Laburista fakkar li l-pjan tal-Gvern ħalla u se jkompli jħalli r-riżultati.
Il-Partit Laburista żied jgħid li fuq kollox hija magħrufa wkoll l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni b’Covid Team mimli politiċi li spiċċaw imeru lil xulxin pubblikament.
“Mhux ta’ b’xejn li dan it-taparsi tim m’għadux jissemma fl-istqarrijiet dwar is-suġġett tal-Partit Nazzjonalista”, temm jgħid il-Partit Laburista.