Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta ġie formalment approvat mill-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Affarijiet Finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, l-ECOFIN.
Il-pakkett ta’ Malta li jammonta għal tliet mija u sittax-il miljun ewro ġie approvat b’mod unanimu, f’dan il-Kunsill li preżenti għalih kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Qal, “Dan huwa pjan li permezz tiegħu se nagħmlu investiment f’diversi oqsma, b’aktar minn nofs se jmorru għall-inizjattiva ambjentali. Dan apparti li aktar minn kwart se jkunu qed imorru għad-diġitalizazzjoni tal-ekonomija tagħna. Inħares ‘il quddiem illi wara din l-approvazzjoni nkomplu bil-ħidma tagħna biex naslu għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan bħala parti mill-Irkupru u Reżiljenza tal-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Il-Pjan Malti kien ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea waqt żjara uffiċjali tal-President tal-istess Kummissjoni Ursula von der Leyen, f’pajjiżna x-xahar li għadda.
F’konferenza tal-aħbarijiet waqt din iż-żjara mal-Prim Ministru Malti Robert Abela, von der Leyen fissret il-Pjan li ressaq il-Gvern Malti bħala l-iktar wieħed ambjentali li l-Kummissjoni approvat.
Il-Pakkett ta’ Fondi għall-Irkupru u Reżiljenza ta’ Malta, li huwa parti minn Next Generation EU se jkun qed jiswa b’kollox tliet mija u ħamsa u erbgħin miljun ewro.
Dan hekk kif il-Gvern Malti se jkun qed iżid disgħa u għoxrin miljun ewro ma’ dawn il-fondi Ewropej.
Dawn il-fondi Ewropej għall-pajjiżna huma għotja u l-ebda parti minnhom m’huma self, bħal każijiet ta’ membri stati oħra fl-Unjoni Ewropea.
Permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej se jsiru sebgħa u erbgħin miżura, bi tletin riforma u sbatax-il investiment.
Fost oħrajn, erbgħa u ħamsin fil-mija tal-inizzjattivi fil-Pjan ta’ Malta huma ambjentali u li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u sitta u għoxrin fil-mija oħra huma favur il-qalba diġitali fl-amministrazzjoni pubblika.