“Irridu nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.”
Kien b’dan il-kliem li f’intervista fuq ONE Radio, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela, innutat kif il-proposti li qed iressaq il-Partit Laburista quddiem l-elettorat, huma kollha indirizzati sabiex itejbu l-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
F’messaġġ ċar, Lydia Abela qalet kif l-għażla fis-26 ta’ Marzu hija bejn il-passat u l-futur u ddikjarat kif il-pjan tal-Partit Laburista huwa l-aktar wieħed b’saħħtu u li joffri ruħ soċjali.
Hawnhekk hija semmiet l-importanza tal-investiment fit-tfal u l-ambjent.
Qalet, “It-tfal irridu ninvestu fihom, għax it-tfal huma l-akbar ġojjel ta’ dan il-pajjiż, apparti l-ambjent, fil-fatt fil-Manifest Elettorali huwa mfassal fuq l-ambjent bħala prijorità u t-tfal, għaliex meta ninvestu kemm fl-ambjent u anke fit-tfal il-futur ta’ pajjiżna bilfors ikun sabiħ.”
Fuq ONE Radio, Dr Abela semmiet kif kien Gvern Laburista li fl-aħħar snin investa kemm felaħ sabiex aktar nies jifħlu fid-sinja tax-xogħol, fejn fl-istess ħin assigura li jippremja l-bżulija b’miżuri li jħallu aktar flus fil-bwiet tan-nies.
Ma naqasx li hawnhekk Lydia Abela ssemmi bosta proposti importanti mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, fosthom dawk li se jolqtu b’mod dirett lill-familji Maltin u Għawdxin.
Il-pensjonanti mal-Partit Laburista wkoll għandhom rashom mistrieħa, hekk kif dawn sena wara sena se jibqgħu jaraw żieda fil-pensjoni tagħhom.
Fl-intervista t-Tlieta filgħodu, mart il-Prim Ministru wasslet messaġġ ċar ta’ għaqda.
Qalet, “Jekk hemm karaterristika li tiddefinixxi l-kampanja tal-Partit Laburista hija l-kelma għaqda. L-islogan tagħna Malta Flimkien hija turija ta’ dan għaliex il-Partit Laburista dejjem emmen fl-għaqda mhux issa biss. Minn dejjem emmen li meta partit ikun maqgħud se jimxi ‘l quddiem mhux partit biss imma pajjiż. Meta inti għandek pajjiż maqgħud, dan se jimxi ‘l quddiem.”