F’attività politika fil-Birgu, il-Prim Ministru Joseph Muscat, tkellem dwar il-pjan tal-Gvern biex jonqos il-faqar u tiżdied il-mobbiltà soċjali. Fisser kif l-ikbar sodisfazzjon tiegħu din il-ġimgħa kienet l-aħbar li l-pjan qed iħalli l-frott u reġgħu naqsu n-nies fil-faqar.
“Writna sitwazzjoni fejn in-nies foqra f’pajjiżna kienu bdew jiżdiedu sena wara l-oħra. Għalija huwa l-ikbar sodisfazzjon li rnexxielna nerġgħu nnaqsu l-faqar mill-ġdid. Naqqasna t-tfal f’riskju ta’ faqar. L-għan ewlieni tal-istrateġija tagħhna hu li f’pajjiżna ma jkunx hawn tifel u tifla minn familja fejn persuna taħdem li tkun fil-faqar. Dak li jfisser Malta għall-Ġenerazzjoni Li Jmiss,” qal Joseph Muscat.
“Irnexxielna nnaqsu il-faqar fost it-tfal b’sitt elef. Kien hemm sitt elef tifel u tifla li kienu jgħixu fil-faqar li llum m’għadhomx foqra,” qal Joseph Muscat li tenna kif b’kollox il-faqar b’mod reali naqas.
Fisser kif dan mhux biżżejjed u fisser il-ġlieda tal-gvern kontra l-faqar se tkompli. Qal li l-edukazzjoni hija għodda kruċjali f’dan il-pjan għax din hi l-ikbar garanzija li fis-snin li ġejjin ikollna iktar nies li mhumiex fil-faqar u jistgħu jikkontribwixxu għall-ekonomija.
Irrefera għal laqgħat li kellu ma’ iktar investituri u tenna li se jkun hemm iktar investiment li se jiġi ġewwa pajjiżna. Fisser kif l-inkwiet tal-investituri llum hu minn fejn se jsibu nies biżejjed biex jaħdmu. Tkellem dwar kif is-suq tax-xogħol għandu bżonn il-barranin għax mhux jinstabu biżejjed ħaddiema Maltin. B’dawn il-ħaddiema barranin jikkontribwixxu wkoll lejn l-ekonomija Maltija fejn il-gvern mid-dħul fit-taxxi jħallas is-servizzi u anke jagħmlu tajjeb għall-pensjonijiet.
“Sitt snin ilu kienu jgħidulna għandkom problema bil-pensjonijiet, kienu jgħidulna l-bolla baxxa wisq u issa qed jgħidulna l-problema solvejtuha,” qal Joseph Muscat li għamel appell ukoll kontra x-xenofobija. “Għandna s-saħħa li nagħmlu affarijiet li kieku ma setgħu qatt isiru f’pajjiżna. Għalhekk nitkellmu dwar soċjetà kożmopolitana għax hekk huwa l-mod kif ngħelbu l-isfidi għall-ewwel darba,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru tenna li fl-istess ħin irid li l-opportunitajiet jinħatfu l-ewwel mill-Maltin u fisser kif dan ukoll isir b’iktar edukazzjoni. “L-edukazzjoni mhux biss tkisser il-faqar imma tagħti iċ-ċans li titla’ ‘l fuq,” qal il-Prim Ministru.
Irrefera għal diskussjonijiet mal-Lufthansa Teknik dwar il-possibbiltà li jkabbru l-operat tagħhom f’Malta. “Jekk naslu, se nagħmlu hangar ikbar milli hemm biex l-ikbar ajruplani tad-dinja jkunu msewwija hawn Malta,” qal il-Prim Ministru li fisser kif magħhom tkellem kif l-istudenti li se joħorġu mill-MCAST f’dan is-settur mhux biżejjed. “Irrid ngħamel dan l-appell lit-tfal, iż-żgħażagħ u l-ġenituri biex jikkunsidraw l-avenues kollha,” qal il-Prim Ministru.
Quddiem dawn l-opportunitajiet u iktar Joseph Muscat qal li l-futur huwa “l-isbaħ li qatt se jkollu dan il-pajjiż.”
Kruċjali wkoll fil-ġlieda kontra l-faqar hemm ix-xogħol. “Irridu ntejbu l-kundizzjonijiet,” qal Joseph Muscat li rrefera għal kundizzjonijiet ta’ dawk li jaħdmu fiċ-ċentri għall-ħarsien tat-tfal. Tenna li dawk li qed jaħdmu fis-settur pubbliku u l-privat għandhom kundizzjonijiet differenti. “Irridu ntejbu dawn il-kundizzjonijiet. Għalhekk qegħdin il-flus. Għalhekk qed is-surplus,” qal Muscat.
B’referenza għall-kampanja kontra l-vjolenza domestika tenna kif in-nisa huma fil-maġġoranza tagħhom huma vittmi ta’ rġiel abbużivi u bil-pjan il-gvern qed jagħti l-poter lill-mara li tieħu l-poter f’idejha bl-opportunitajiet tax-xogħol. “Qed niġġieldu l-faqar. Qed ngħinu l-ekonomija. Din hija idea sħiħa. Għax Malta l-Ġenerazzjoni Li Jmiss huwa dak li nħossu,” qal Muscat.
Tenna li xorta waħda jibqa’ sessjoni ta’ nies li qegħdin f’morsa ta’ faqar diffiċli.
“Dawn in-nies irridu ngħinuhom iktar. Wieħed wieħed u waħda waħda. Irridu nuru li dawn il-persuni ma nabbandunawhomx. Il-faqar jonqos għax aħna mhux biss pjan ta’ għajnuna soċjali għandna biex ineħħu l-faqar. Għandna pjan komprensiv għal mobbiltà soċjali,” qal Joseph Muscat.
Tkellem kif huwa dan kollu li jżommna flimkien u jispira lill-Moviment Laburista.
“Għalhekk meta tiġina għażla bħalma kellna din il-ġimgħa għalina hija naturali. Mhux talli ma ninqasmux, imma talli nissaħħu. Għax f’dak kollu li ngħamlu nafu li se nerġgħu lura għall-għan oriġinali,” kompla l-Prim Ministru.
Irrefera għal mozzjoni dwar il-leave għal dak li jagħmlu l-IVF u fisser kif filwaqt li s-servizz tal-IVF qed jgħin il-familji, tant li se titwieled il-mitt tarbija, jista’ jsir iktar.
“Nafu li 100 jidher numru sabiħ imma jien naf li bil-liġi tagħna seta’ kien ferm ikbar. Għandna koppji li jmorru barra minn Malta li mhux b’kapriċċ,” li tkellem dwar dak li tgħaddi minnu l-mara u l-familja f’mumenti bħal dan. “Lil dawn in-nies għidna ejja ntuhom 100 siegħa leave. X’hemm x’jifirdek f’biċċa xogħol bħal din? X’hemm x’taħseb fuqha? Għalhekk meta rajna sitwazzjoni bħal dik konna tant magħqudin flimkien u ma stanjiex nifhmu,” qal Joseph Muscat.
Tkellem kif dan kien każ ieħor li wera l-qasma fl-oppożizzjoni rrefera kif huwa fl-interess tal-pajjiż li Adrian Delia jieħu f’idejh l-opppżizzjoni. “Aħna għandna bżonn oppożizzjoni serja li magħha nkunu nistgħu nitkellmu,” qal Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru tkellem kif wara erba’ snin ta’ sagrifiċċji qed nibdew naraw l-ewwel riżultati fl-Air Malta. “Wara erba’ snin ta’ ħidma kbira li ma kinetx qed tidher. Wara ħames xhur ta’ impetus ġdid. X’kien l-iktar ħaġa importanti? Li l-ħaddiema jerġgħu jibdew jemmnu li hemm futur għalihom. U qed jirnexxilna wkoll hemm. Lill-ħaddiema tal-Air Malta u r-rappreżentanti ngħidilhom biex iħarsu lejn l-istampa kollha kif kienu għamlu r-rappreżentanti u l-ħaddiema tal-Enemalta,” qal il-Prim Ministru.
“Il-ħaddiema tal-Enemalta rċivew ittra fejn ingħataw bonus ieħor talli l-kumpanija miexja ‘l quddiem,” qal Joseph Muscat.
Fil-Birgu l-Prim Ministru temm jgħid li l-idea hi li s-suċċessi li ksibna sal lum m’huma xejn ħdejn is-suċċessi kbar li rridu niksbu għall-ġenerazzjoni Li Jmiss.