Il-Ministru għall-affarijiet barrannin Russu, Sergey Lavrov saħaq li l-pjanijiet tar-Russja u l-Istati Uniti għat-tmiem tal-ġlied fis-Sirja għandu jiġi salvagwardjat. Lavrov qal dan lin-Nazzjonijiet Maqgħuda hekk kif fil-belt t’Aleppo reġa’ kompla t-taqbid imdemmi permezz t’attakki mill-ajru.
Dan bil-konsegwenza li l-forzi tal-Gvern ta’ Bashar al-Assad għamlu avvanzi kbar għas-spejjeż tar-ribelli. Il-Ministru Russu tefa’ l-ħtija għat-tkomplija tal-vjolenza fis-Sirja fuq l-Amerka wara li skont hu l-Amerikani naqqsu li jikkontrollaw lil fazzjonijiet tar-ribelli li joperaw taħt l-influwenza tagħhom.
Minkejja dan, Lavrov spjega li s-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry saħaq miegħu li l-impenn tal-Istati Uniti huwa li jkun hemm distinzjoni bejn fazzjonijiet tar-ribelli meqjusa moderati u dawk li m’humiex.