Il-piżijiet marbutin mal-qalba ambjentali u maż-żamma tal-istandards, m’għandux jerfagħhom iż-żgħir. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela mal-ġurnalisti hekk kif niżel fost il-bdiewa u r-raħħala waqt li kienu qed jagħmlu protesta paċifika kontra d-direttivi tal-Unjoni Ewropea, li qed jolqtu ħażin is-settur tagħhom.
Il-Prim Ministru stqarr li dan il-messaġġ se jgħaddih anke fl-istituzzjonijiet Ewropej meta jkun mal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea.
“Ejja nipproteġu l-ewwel lin-nies tagħna. Dak hu l-messaġġ ewlieni li jien nibgħat ukoll lil dan is-settur tant importanti għal pajjiżna, is-settur agrikolu. Importanti wkoll għall-ambjent, għas-sigurtà tal-ikel. Li nista’ nassigurahom ukoll hu li, bħalma kien hemm sapport min-naħa tal-Gvern fl-aktar mumenti ta’ sfida meta faqqgħet il-Gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, kif ukoll aktar riċentament fis-7 ta’ Ottubru li għadda, sfidi kbar, peró dejjem konna konsistenti wara dan is-settur, anke waqt il-pandemija. F’kuntest ta’ sfidi kbar hemmhekk ukoll ir-reazzjonijiet, min-naħa tal-Gvern, iridu jkunu daqshekk aggressivi biex dan is-settur tant importanti mhux talli ma nħalluhx imut, imma ninċentivawh biex jikber.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hekk kif il-bdiewa u r-raħħala nġabru ħdejn il-Fosos tal-Furjana, il-Prim Ministru Robert Abela żarhom b’mod spontanju. Hawnhekk hu tkellem mal-bdiewa u r-raħħala, inkluż żgħażagħ, li kienu preżenti fil-protesta.
Dr Abela sema’ l-karbiet tagħhom, partikolarment l-isfidi li qed ipoġġu quddiemhom dawn id-direttivi tal-Unjoni Ewropea.
F’kumment lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal kif, f’dan iż-żmien ta’ sfidi internazzjonali, il-Gvern ta għajnuna bla preċedent f’dan is-settur.
“Tajna għajnuniet bla preċedent, jiġifieri fejn jidħol inċentivar ta’ xiri ta’ makkinarju, għajnuna diretta minn fondi lokali, għajnuna minn fondi Ewropej. Jiġifieri l-għajnuna li ngħatat lil dan is-settur, din il-ġimgħa kelli l-opportunità nilqa’ wkoll lill-Kummissarju Ewropew responsabbli minn dan is-settur u rrimarka kemm pajjiżna hu wieħed mill-iżjed stati, fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, li jinvesti u jgħin lill-bdiewa. Li rajna llum hu element ta’ dwejjaq lejn regolamentazzjoni tal-Unjoni Ewropea li, ngħid, li magħmula wisq fl-uffiċċju tal-burokratiċi u li tinjora r-realtajiet tan-nies li ssibhom fl-għelieqi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Ara wkoll: