Ix-xena ta’ agunija ta’ Kristu msallab jieħu l-aħħar nifsijiet tiegħu fuq is-salib impittra fil-Knisja Parrokkjali tal-Gudja, reġgħet ingħatat ħajja mill-ġdid.
Fi proġett imqanqal mill-Fondazzjoni Gal Xlokk u Grupp Żgħażagħ Gudja din l-opra artistika li tmur lura għas-seklu sbatax ġiet restawrata għall-isbuħija oriġinali tagħha.
Ir-Restawratriċi Amy Sciberras innotat li l-pittura sofriet diversi inċidenti fosthom waqt il-gwerra.
Hija qalet, “Meta ġiet fil-laboratorju tagħna kienet fi stat verament ħażin iġifieri kellha tiċrit kemm fil-tila oriġinali kemm fit-tila tar-rintellatura antika li r-restawraturi tal-passat kienu waħħlu magħha. Aħna ridna nneħħu dawn l-interventi kollha u jiġifieri naddafna anki d-diversi strati ta’ verniċ li kien sfar u li wieħed ma setax japprezza t-tonalitajiet oriġinali ta’ dan il-kapulavur.”
Waqt l-inawgurazzjoni tal-pittura u l-Kappellun tal-Kurċifiss ġie spjegat li minkejja riċerka estensiva għall-moħħ wara din l-opra tal-arti, is-swaba’ ma jippuntaw għall-ebda persuna speċifika iżda min penġieha ħalla d-daqqa individwalista tiegħu.
Din l-istess risposta tapplika għal min ikkummissjona din il-pittura. Minkejja dan, hemm evidenza li turi li jaf ġiet ikkummissjonata minn fratellanza li kienet imsawra minn irġiel li ngħaqdu flimkien għal għan nobbli.
Fil-fatt, il-fratellanza twaqqfet fl-istess żmien li saret il-pittura, fis-sebgħinijiet tas-seklu sbatax. L-istess żmien li fih bosta kienu mietu minħabba l-pesta.
L-Arċipriet tar-raħal Norman Zammit spjegalna kif minkejja l-medda tas-snin għadda minn fuqha, il-messaġġ minsuġ fil-pittura, dak ta’ agunija, jibqa’ sinifikanti dejjem.
Huwa stqarr: “Għall-parroċċa hija waħda mill-pitturi antiki illi malli nbniet il-knisja saret, propju għal dan il-post. Ovvjament hija waħda devozzjonali għaliex turi l-Kristu msallab kif ukoll turi d-Duluri li ovvjament kif nafu l-Maltin għandna devozzjoni kbira lejn id-Duluri.”
Dan l-intervent fuq il-kwadru huwa parti minn sensiela ta’ xogħlijiet li jimmiraw li jħarsu l-patrimonju tal-Gudja.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm in-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Fil-fatt dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-programm LEADER fejn għalih ġew allokati iktar minn sitt elef u erba’ mitt ewro.