Li persuna ma taħlix l-ikel għandha tkun stil ta’ ħajja u l-pitkalija f’Malta taħdem proprju hekk, permezz ta’ sistema ċirkolari sabiex ma jkunx hemm ħela.
Tkellimna ma’ Justin John Camilleri, Chief Business Development Officer tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel, fejn spjegalna kif bħala aġenzija huma jagħtu valur lill-ikel u kif hi ta’ weġgħa kbira meta jinħela l-ikel.
Qal, “Bdejna bil-pitkalija, nistgħu ngħidu li qed noperaw zero waste dan għaliex meta jiġi l-bidwi jħalli l-ikel hawn, l-ikel li ma jinbigħx, ngħinu biex insibu swieq alternattivi permezz ta’ għajnuna man-negozji jew nipproduċu affarijiet oħrajn filwaqt li dawk li jifdal tajjeb għall-konsum naraw li nagħtuh lill-għaqdiet fil-komunità u l-prodott li ma jibqax tajjeb għall-konsom imur għand il-Wasteserv, u dak isir kompost u jingħata lill-bdiewa b’xejn.”
Spjega kif din tissejjaħ ekonomija ċirkolari sabiex l-ebda ikel ma jinħela u minn hemm bdew jaħdmu fuq il-pass li jmiss, li kienet il-ħela tal-ikel lil’hinn mill-pitkalija.
Qal, “Żviluppajna pjattaforma diġitali biex in-negozji li jkollhom prodotti tal-ikel li jkollhom surplus tagħhom jew waslu fid-data tal-iskadenza taħghom, ikunu jistgħu jtellgħu l-prodotti tagħhom fuq din il-pjattaforma u permezz tal-AI jitqassmu lill-għaqdiet volontarji li jirreġistraw magħna biex b’hekk vera nkunu nafu li marru għand min għandu bżonn.”
Spjega kif in-negozji se jkollhom għazla oħra, dik li jpoġġuhom fuq l-ixkafef tagħhom u jkollhom prezzijiet bi skontijiet kbar u l-Aġenzija se ttihom marka fejn hemm il-konsumatur se jkun qed jixtri ikel bi prezz aħjar.
Sostna kif filwaqt li din il-pjattaforma tħabbret proprju ġimgħatejn ilu, ir-rispons kien wieħed tajjeb ħafna.
Qal, “Għandna ammont ta’ għaqdiet volontarji li qed jitkellmu magħna kif jirreġistraw u se nkunu qed niltaqgħu magħhom biex jiġi spjegat kif se jibbenefikaw. Barraminnhekk qed ikollna negozji li qed ikellmuna jew lill-imsieħba soċjali tagħna biex jaraw kif jistgħu jingħaqdu f’din il-pjattaforma fejn s’issa hemm konkorrenza sabiħa ferm.”