Fis-16 ta’ Ottubru fil-Pitkalija se jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-ikel. Il-pubbliku se jitħeġġeġ biex jixtri prodotti lokali u jieħu sehem f’attivitajiet relatati ma’ dan il-jum.
Dan il-jum jiġi ċċelebrat f’madwar 150 pajjiż u huwa wieħed mill-aktar jiem iċċelebrati bil-kbir fil-kalendarju tan-Nazzjonijiet Uniti. Din l-attività qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd u l-Aġenzija Maltija għall-Ikel.
“Qed nagħmluh b’determinazzjoni biex intellgħu l-ikel fuq l-aġenda ta’ pajjiżna. Diġà sar ħafna. Din il-festa se tkun qed tiċċelebra dan kollu biex lill-ikel, u anki lin-nies involuti, speċjalment il-bdiewa, ir-raħħala, u s-sajjieda tagħna, nagħtuhom dak li jistħoqqilhom.”
It-tema ta’ dan il-jum se tkun ‘Leave no one behind’, messaġġ li huwa ta’ prijorità għall-Gvern, kif sostna l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam, Anton Refalo, li tkellem dwar l-importanza tal-provvista ta’ ikel. F’konferenza tal-aħbarijiet ftit jiem wara li l-Gvern ħabbar ir-riforma ambizzjuża fir-rigward tar-raba’, il-Ministru Refalo qal li għaddejja ħidma favur is-sostenibbilità u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel.
“Meta pajjiż jinvesti f’futur sostenibbli, dak il-pajjiż ikun qed jinvesti fil-futur taż-żgħażagħ tiegħu u għalhekk hemm bżonn illi nsaħħu l-katina tal-ikel.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd u l-Akwakultura, Alicia Bugeja Said, għamlet referenza għal statistika globali li turi li erbgħin fil-mija tal-popolazzjoni dinjija m’għandhomx aċċess regolari għan-nutriment.
Hi sostniet li huwa permezz ta’ ħidma kollettiva li se nkunu kapaċi nassiguraw futur sabiħ għal pajjiżna.
“Inħeġġeġ lill-familji Maltin u Għawdxin jingħaqdu magħna biex anke nuru apprezzament ix-xogħol b’tant sagrifiċċju li jsir mill-bdiewa, sajjieda u r-raħħala tagħna.”
L-avveniment li jfakkar il-Jum l-Ikel fil-Pitkalija se jibda fid-disgħa ta’ filgħodu u jibqa’ għaddej sas-sitta ta’ filgħaxija.