It-talba għaż-żieda fis-salarju li qed issir mill-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA, tfisser li l-ispiża tal-Air Malta fuq is-salarji tal-piloti titla’ b’sitt miljun ewro fis-sena. Irrapportat dwar dan is-Sunday Times li fissret kif f’mument fejn il-piloti għaddejin b’numru ta’ azzjonijiet industrijali qed jitolbu żieda ta’ €50,000 kull wieħed fil-paga li jieħdu d-dar.
Dawn it-talbiet, f’mument fejn il-kumpanija qed tiddiskuti sħubija strateġika, kienu deskritti bħala “ġusti” mill-President tal-ALPA Dominic Azzopardi. Bħalissa l-piloti tal-Air Malta jitħallsu bħala medja madwar €93,000 fis-sena u jgawdu wkoll minn numru ta’ inċentivi oħra fosthom skemi ta’ irtirar li jistgħu saħansitra jlaħħqu l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro. Jirriżulta li l-ispiża fuq il-122 pilota li għandha l-Air Malta tlaħħaq il-€11,000,000 fis-sena.
Il-ftehim kollettiv tal-piloti skada sitt xhur ilu u bħalissa l-piloti mhux jilbsu l-uniformi sħiħa bħala protesta. Ma’ Television Malta, fl-aħħar jiem, il-Ministru tat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, wissa li jkun għaqli li f’dan il-mument kruċjali għall-kumpanija nazzjonali tal-ajru ħadd ma jipperikola l-pożizzjoni tal-Air Malta li falliet proċess ta’ ristrutturar u għalhekk il-gvern irid jaħseb f’alternattivi biex tibqa’ vijabbli.