F’dawn l-aħħar ħames snin, id-Dwana Maltija qabdet f’illegalitajiet il-valur ta’ żewġ biljuni u seba’ mitt elf ewro.
Dan jinkludi droga, xorb tal-kuntrabandu u flus mhux iddikjarati fost oħrajn.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti spjega li fost il-qabdiet notevoli hemm pilloli tramadol, li jintużaw f’żoni ta’ gwerer u nkwiet kif ukoll dgħajjes li jintużaw għat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll kummerċ illegali.
Qal, “Inqabdu ukoll numru ta’ dgħajjes maħsuba għat-traffikar tal-bnedmin ġew ukoll maqbuda. Motor boats, jiġifieri dgħajsa bil-mutur, kif ukoll flus li ntbagħtu l-Libja fi żmien meta kien għaddej il-kunflitt.”
Is-Sur Chetcuti spjega wkoll li tul dawn l-erba’ snin, id-dipartiment tad-Dwana qabad droga li tammonta għal aktar minn żewġ miljun u nofs ewro.
Huwa spjega li l-aktar qabda riċenti kienet dik ta’ ġimgħa ilu, fejn id-Dwana qabdet rekord ta’ droga kokaina li hija maħsuba li għandha valur fis-suq ta’ bejn disgħin u mitt miljun ewro.
Spjega, “Fl-aħħar tlieta, erba’ snin, inqabdu madwar €2.5 miljun. L-aħħar waħda kienet bejn disgħin u mitt miljun, li saret il-ġimgħa li għaddiet, li kienet ta’ seba’ mija u erbgħin kilo. F’Diċembru li għadda kellna qabda kbira oħra ta’ sitt mija u tnax-il kilo.”
Id-Direttur Ġenerali spjega li bħalissa id-Dwana tinsab fil-proċess li tkompli tissaħħaħ, hekk kif tul dawn l-aħħar snin sar mal-għoxrin miljun ewro investiment fid-Dwana.
Huwa spjega li tul is-snin li ġejjin din il-ħidma se tkompli tissaħħaħ permezz ta’ aktar investimenti.
Waqt żjara li għamel il-President ta’ Malta George Vella, sostna li l-investiment li sar fid-Dwana qed iħalli riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Il-President spjega li bil-qabda tal-ġimgħa li għaddiet, pajjiżna bagħat messaġġ li Malta huwa pajjiż serju.
Qal, “Nirringrazzjaw lid-dipartiment kollu tad-Dwana għax-xogħol enormi tagħhom fil-ħarsien ta’ pajjiżna minn żewġ aspetti prinċipali. Wieħed minnhom huwa l-interess finanzjarju, għaliex id-dwana ovvjament idaħħlu ċertu introjtu, iżda min-naħa l-oħra wkoll biex jipproteġu pajjiż fis-sigurtà tiegħu.”
Preżenti għaż-żjara tal-President tar-Repubblika kien hemm il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.