Kien lejl mimli mużika, xorb u divertiment fejn bosta żgħażagħ irħewlha lejn San Ġiljan għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju, fejn filwaqt li l-lejl kien wieħed mimli gost u pjaċir, l-għodwa ma kinitx daqstant pjaċevoli għar-residenti li sabu mat-tliet tunnellati ta’ skart fit-toroq tal-lokalità tagħhom.
Dalgħodu l-ħaddiema mid-Direttorat tat-Tindif naddfu madwar tliet tunellati ta’ skart li tħalla fil-madwar ta’ Spinola waqt iċ-ċelebrazzjonijie fejn fost l-iskart kien hemm fliexken tal-birra mormija mal-art, tazzi tal-plastik, boroż tal-plastik, kartun, boroż taż-żibel u riħa nsapportabbli ta’ xorb.
Mir-ritratti li għandna jidher biċ-ċar li l-maġġoranza tal-iskart kien fl-akwati tar-roundabout, fejn intramaw l-istands li l-permessi tagħhom ħarġu ħesrem, fuq ordni tas-sidku Gwido Dalli, propju fl-għodwa tal-Ġimgħa. Dan għaliex kif isir kull sena mis-sidien tan-negozji ewlenin fiż-żona, dawn naddfu l-partijiet rispettivi tagħhom.
Intant, fis–sigħat li għaddew, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttra, kellu jħaddem servizz ta’ tindif b’ emerġenza wara li ammont konsiderevoli ta’ skart baqa’ ma nġabarx mill–Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.
Ma saret l-ebda konsultazzjoni fl-ebda ħin mad-Direttorat għat-Tindif li ma kienx ser isir tindif mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.
Wara li ntalab l-intervent tal-Ministeru minn diversi persuni d–Direttorat għat–Tindif qabbad 25 ħaddiem minn tiegħu li kellhom jinqalgħu minn fuq xogħol ieħor biex imorru jipprovdu dan is-servizz.
Ix–xogħol ta’ tindif involva ġbir ta skart, knis u ħasil ta’ toroq. B’kollox inġabru mat–tliet tunnellati skart f’madwar sagħtejn.
L–ispiża biex sar dan ix–xogħol minn ħaddiema tal–Gvern b’emerġenza tammonta għal madwar €3,400.
Ta’ min jgħid li matul is-sena 2016, id-Direttorat għat-Tindif wettaq xogħlijiet ta’ tindif f’diversi Kunsilli Lokali u dan huwa stmat li sewa mal–€1.47 miljun.
Diversi ritratti ta’ qabel ma tnaddaf l-iskart
Żoni li tnaddfu mis-sidien tan-negozji