Persuna li tinqabad taħqar annimal se tingħata piena aktar ħarxa bil-multa mistennija tirdoppja meta mqabbla mas-sena 2014 u anke tiżdied b’erba’ darbiet meta mqabbla mal-2011.Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal:
“L-aktar bidla notevoli tkun li a first time offender il-minimu se jkun qed jirdoppja, bis-somma titla għal €2,000, meta kkumparat mal-2011 se jkun qed jiżdied b’erba’ darbiet aktar.”
Aktar kmieni din il-ġimgħa, s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, ħabbar kif daħħal abbozz fil-Parlament biex issir emenda f’din il-liġi u b’hekk jiħraxu l-multi fuq moħqrija tal-annimali.
Huwa kompla billi qal: “Il-liġi ġiet ippreżentata għall-ewwel qari. Fil-jiem li ġejjin se nkomplu niddiskutu l-abbozz tal-emendi ta’ din il-liġi sabiex mbagħad ikun approvat mill-parlament.”
Intant iċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Ħarsien għad-Drittijiet tal-Annimali, Nevise Borg Caligari, spjegat kif din l-aħbar niżlet għasel ma’ dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali, bl-interess ewlieni issa jkun li dawn il-pieni jiġu attwati.
Nevise Borg Caligari ċ-Chairperson tal-Animal Welfare Committee qal: “Għal kull min għandu għall-qalbu l-annimali li jiħraxu l-pieni hi aħbar sabiħa ħafna. Ovvjament wieħed jispera li mhux biss ikun hemm il-liġi u l-pieni jkunu iktar ħorox iżda li jiġu attwati.”
Borg Caligari qalet kif din l-emenda rridu narawha ssir fis-seħħ u kif ebda moħqrija m’għandha tiġi aċċettata kemm jekk l-ewwel darba u aktar u aktar jekk it-tieni darba.
Hija kompliet tirrimarka : “Il-pieni qiegħdin hemmhekk u ovvjament ladarba tidħol il-liġi għandhom jidħlu wkoll fil-qrati tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif il-messaġġ li jrid iwassal dan il-Gvern hu li mhux se jkun ittollerat assolutament ebda krudeltà fuq l-annimali u għalhekk qed tiġi proposta din l-emenda.