Bejn Mejju u Awwissu ta’ din is-sena, ir-rapporti ta’ pickpocketing fil-Belt Valletta naqsu b’iktar min-nofs. Dan meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Dwar it-tnaqqis ta’ dan il-fenomenu, li fl-aħħar snin kien għolla rasu mhux ħażin, tkellimna mal-Ispetturi Priscilla Caruana Lee u Jeffrey Scicluna mill-għassa tal-Belt.
Spjegawlna li mill-istħarriġ tagħhom, il-pickpocketing huwa att kriminali organizzat, fil-parti l-kbira minn gruppi mil-Lvant tal-Ewropa.Qalu li “U dawn jiġu Malta bl-għan li jikkommettu dan it-tip ta’ serq. Ma jiġux hawn Malta fl-għama. Ikunu jafu l-postijiet, it-targets li jkollhom. Biex imbagħad ikunu jistgħu jkomplu bis-serq tagħhom.”
Kien spjegat kif l-esperjenza tas-snin imgħoddija wasslet biex fl-għassa tal-Belt twaqqaf tim ta’ pulizija pajżana li xogħolhom kien li jinvestiga, fosthom billi jsegwu l-moviment ta’ ċertu nies.
Dan wassal għal għarfien ikbar fuq l-identita u l-metodi użati minn dawn il-gruppi kriminali, u għal riżultati aħjar anke meta jitressqu quddiem il-ġustizzja, kif spjegat l-Ispettur Anzjan, Priscilla Caruana Lee.
Spjegat li “Kellna riultati tajbin mill-qorti fejn ingħataw sentenzi ta’ priġunerija. Lilna għenitna għax tkun ta’ deterrent għal dawn il-persuni biex ma jerġgħux jiġu Malta u jagħmlu dan it-tip ta’ reat.”
L-istatistika turi li bejn Mejju u Awwissu elfejn u sbatax, it-total ta’ rapporti ta’ pickpocketing fl-għassa tal-Belt kien ta’ 173. Din is-sena dan niżel għal 82. Tnaqqis ta’ ftit iktar minn-nofs.
L-Ispetturi fi ħdan l-għassa tal-Belt spjegaw li l-pick-pockets jaħdmu l-iktar fil-folol, u fejn in-nies ikunu aljenati, bħal ngħidu aħna fil-ħwienet jew ġieli anke fuq tal-linja.
Qalet li “Rajna wkoll pattern fejn persuna tiffolowja lill-vittma qabel jisirqulha l-wallet. Iġifieri hi tkun qed tosserva l-persuna fil-ħanut iddaħħal il-pin number. U mbad minn hemm isegwuha, jiħdulha l-kartiera, u sussegwentement jiġbdu l-flus mill-ATMs.”
L-uffiċjali tal-korp saħqu li l-pubbliku għandu joqgħod b’seba’ għajnejn f’post fejn hemm il-massa.
Appellaw biex il-basket jew handbag jinżamm quddiem minflok imdendel fuq wara, waqt li l-mobile, kartiera u oġġetti oħra ta’ valur jinżammu f’postijiet li ma jkunux faċli biex jinsterqu mill-ħallelin.
Dan għaliex fuq kollox, ħadd ma jieħu gost jitlef flus, oġġetti, u dokumenti, iktar u iktar meta xi ftit prekawzjoni tista’ tagħmel b’mod li dan jiġi evitat.