Qabżu l-1,100 persuna li ffirmaw petizzjoni online favur il-proġett tas-central link. Il-proġett għandu l-għan li jindirizza l-problema tat-traffiku miċ-ċentru għan-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Il-petizzjoni favur il-proġett bdiet mill-Malta Automobile Club fl-aħħar jiem u l-pubbliku mill-ewwel irreaġixxa għaliha b’mod pożittiv.
Din il-petizzjoni tappella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tappoġġja l-proġett. Targumenta li dan il-proġett huwa importanti għat-traffiku f’pajjiżna, għax mistenni jnaqqas in-numru ta’ karozzi li jgħaddu mill-qalba tar-raħal ta’ Ħ’Attard, u għalhekk jonqos it-traffiku. Żiedu li l-proġett se jgħin biex id-dħaħen tal-karozzi jonqsu bit-13%.
Il-proġett se jara li jinbnew diversi toroq ewlenin fiċ-ċentru tal-pajjiż, biex jitnaqqas bin-nofs il-ħin tal-ivvjaġġar fir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard, Ta’ Qali, Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u l-Mosta.
Il-klabb għaraf ukoll li l-proġett qiegħed jieħu inkonsiderazzjoni u jisma’ liċ-ċiklisti u nies li jagħmlu użu mill-bankini. Żied jingħad li l-proġett huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa u l-ħarsien tar-residenti ta’ Ħ’Attard u tal-lokalitajiet tal-madwar.
Minkejja dan, il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ħareġ qatta’ bla ħabel kontra dan il-proġett mifrux fuq medda ta’ aktar minn erba’ kilometri li se jnaqqas bin-nofs il-ħin tal-ivvjaġġar fiċ-ċentru ta’ Malta waqt li se jtejjeb l-ambjent u l-kwalità tal-arja fl-inħawi residenzjali ta’ bosta bliet u rħula fiċ-ċentra ta’ Malta.
Fil-bidu ta’ Lulju li għadda, il-Gvern irċieva ħames offerti għal dan il-proġetti li jvarjaw minn 28 miljun u nofs ewro sa 39 miljun u ħames mitt ewo li huma inqas mill-istima inizjali ta’ 55 miljun ewro għal dan il-proġett.