“Is-suċċess li kiseb il-Gvern Malti m’għandux iservi biss ta’ mudell għal gvernijiet soċjo-demokatriċi iżda għal kull pajjiż Ewropew”- Sergei Stanishev
Dan kien kliem il-President tal-Partit Soċjalista Ewropew (PES), Sergei Stanishev, li kellu kliem ta’ tifħir għas-suċċess fiskali li kiseb Gvern Laburista, li fi kliem il-PES, “biddel l-ekonomija tal-pajjiż fi żmien erba’ snin, u għamel hekk filwaqt li implimenta numru ta’ miżuri soċjali bla preċedent.”
Stanishev kellu ukoll kliem ta’ tifħir għal Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat:
“Joseph Muscat qed jirnexxilu jikseb suċċess mhux biss fl-ekonomija iżda anke fl-aspett soċjali. Il-Gvern tiegħu rnexxilu jsaħħaħ l-ekonomija, joħloq impjiegi ta’ kwalità filwaqt li joffri għajnuna lil persuni li huma l-aktar fil-bżonn,” spjega Stanishev.
Il-PES spjega li qabel l-2012, Malta kellha defiċit eċċessiv u li Gvern Laburista “sal-2016, irnexxilu jirreġistra surplus għall-ewwel darba fi żmien 35 sena.” Il-PES faħħar il-mod ta’ kif fl-istess waqt Gvern Laburista rnexxilu jsaħħaħ il-miżuri soċjali.
“Dan wassal għal suċċess ekonomiku, riżultat ta’ aktar ċittadini jaħdmu u inċentivi għan-negozji biex ikomplu joħolqu aktar postijiet ta’ xogħol” – PES
Il-President tal-Partit Soċjalista Ewropew, Sergei Stanishev qal li l-partiti progressivi bħal m’huwa l-Partit Laburista Malti, għandhom dejjem iżommu fuq l-aġenda tagħhom l-aspett soċjali.
Stqarr li jinsab kuntent ħafna li l-Gvern Malti qed jaħdem ukoll għaż-żgħażagħ u li qed jiprovdi opportunitajiet ta’ xogħol għalihom, filwaqt li b’mod parallel qed jintroduċi inċentivi biex irressaqhom aktar viċin lejn il-kultura. Temm jgħid li miżuri bħal dawn huma investiment fil-futur tal-proġett Ewropew.